Friday, November 15, 2024

Għaliex fuq pajjiżna hawn nuqqas ta’ xita?

Aqra wkoll

Mistoqsija li ħafna qegħdin jistaqsu kif jista’ jkun li qegħdin f’nofs Novembru li ma għamlet l-ebda xita s’issa. 

Is-sitwazzjoni ġiet spjegata b’mod tajjeb minn Gordon Grech fuq is-sit Aġġornament tat-Temp fejn sostna li l-ebda pressjoni baxxa ma qiegħda la tinħoloq u lanqas tidħol fil-Mediterran.

Kiteb li għalkemm it-temperatura se tkompli nieżla bil-mod il-mod speċjalment għax fuq in-naħa ta’ fuq tal-Italja diġà tbaxxiet sew, xorta jibqa’ l-fatt li m’aħna nosservaw l-ebda maltemp fil-Lbiċ u fil-Punent tal-gżejjer Maltin.

“Tuneż għalina hu ċentru li niddependu fuqu bħala instabbilità. Però dħalna fil-qalba ta’ Novembru u dawk l-inħawi għadhom taħt l-influwenza ta’ pressjoni għolja u l-ebda sinjal ta’ xi maltemp,” sostna Gordon Grech.

Kompla jgħid li hu jaħseb li fuq fomm ħafna qegħdin jistaqsu x’inhu jiġri u faċli li wieħed jassoċja dan it-temp mat-tibdil fil-klima.

Dan kien wieħed mill-aktar sjuf b’temperaturi għoljin madwar id-dinja. Mat-temperatura imbagħad trid iżżid l-umdità. Meta tgħaqqad dawn iż-żewġ fatturi flimkien ikun ifisser temp mill-aktar sħun fil-Mediterran.

Grech isostni li jista’ jkun li dawn il-fatturi ħallew l-effetti tagħhom fl-istabbilità fit-temp fil-Mediterra. Dan ifisser li jaf ikollna Novembru b’ammont żgħir ta’ xita.

Jikteb li “nisperaw li naraw l-ewwel kambjamenti mill-Ħadd li ġej kemm bħala temperatura u anke nibda naraw l-pressjoni atmosferika tibda titlef mill-intensità tagħha fil-Mediterran.”

Ekonomija

Sport