Wednesday, July 1, 2026

‘Għalija personalment dan ifisser ħafna aktar minn trofew ieħor … juri l-imħabba u l-kwalità li t-timijiet sportivi tagħna dejjem kellhom’ – Zack Zammit

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Sliema rebħu l-Kampjonat Nazzjonali tal-Beach Soccer tal-Irġiel meta fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa, huma għelbu lil La Playa de Arena bl-iskor ta’ 3-1 wara l-ħin barrani.

Kienet logħba ferm interessanti biż-żewġ naħat li ħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor u bil-konfront li wara 36 minuta spiċċa fi draw ta’ 1-1. Kien fil-ħin barrani li s-Slimiżi skorjaw żewġ gowls sabiex żammew it-titlu li rebħu fis-sajf li għadda.

Sliema marru minn fuq permezz ta’ Mantas Makutunovicius li dar tajjeb u b’xutt tajjeb għeleb lil Jonathan Grech.

La Playa de Arena ġabu l-iskor indaqs wara li ngħataw freekick li ġie skorjat minn Karl Caruana.

Il-logħba marret għall-ħin barrani u kien hawn li l-Blues skorjaw żewġ gowls oħra, l-ewwel permezz ta’ Mantas Makutunovicius li b’hekk irreġistra doppjetta personali u aktar tard mill-plejer veteran Mark Camilleri li ssiġġilla r-rebħa finali.

Fi tmiem il-konfront il-president tal-Malta Beach Soccer Association Mauro Camilleri Darmanin ippreżenta t-Tazza lill-captain ta’ Sliema, Matthew Agius.

Intant, dan is-sit tkellem mal-presdient ta’ Sliema Beach Soccer, zack Zammit, li tana iktar dettalji. Fi kliemu:

“Għat-tieni sena konsekuttiva, Sliema Beach Soccer huma Champions fuq ir-ramel. Għalija personalment dan ifisser ħafna aktar minn trofew ieħor … juri l-imħabba u l-kwalità li t-timijiet sportivi tagħna dejjem kellhom. Għalina s-Slimiżi, l-isport huwa sagru, allura naturalment huwa dejjem unur li nilqgħu trofew ġdid fil-lokalità tagħna.”

“Meta nikkunsidraw il-fatt li fi żmien tliet snin ta’ kompetizzjoni rnexxielna nirbħu żewġ titli, kif ukoll sirna l-ewwel Tim Malti li rebaħ logħba fl-ogħla livell tal-Beach Soccer Ewropew, il-Euro Winners Cup, dan diġà huwa kisba kbira. Din is-sena kienet speċjali wkoll għar-raġuni li kien id-debutt tat-Tim tan-Nisa tagħna, fejn irnexxielna naslu sal-Finali li eventwalment u sfortunatament tlifna bil-penalties.”

“Meta nħarsu lura lejn dak li diġà ksibna, l-aptit tagħna għal dak li għad irid jiġi aktar jitqawwa. Ringrazzjament speċjali lil dawk kollha involuti mas-Sliema Beach Soccer, kif ukoll l-MBSA tat-tħejjija għall-avveniment annwali tagħna.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport