Huwa fatt innegabbli li l-avvanzi teknoloġiċi m’għandhomx limitu. Jikbru dejjem u javvanzaw aktar, b’impatt, tajjeb u ħażin, fuq l-umanità tant li saru parti mill-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Anzi, immissu magħhom u forsi wkoll bla ma nindunaw. L-użu ta’ smart phones, tablets u kompjuters, u issa anki bl-użu dejjem ifjen tal-intelliġenza artifiċjali, prattikament biddilna l-mod ta’ kif ngħixu ħajjitna u naħdmu.
Ilna ħafna issa nitkellmu dwar il-bżonn li nadattaw għal dawn il-bidliet li ġabet magħha t-teknoloġija. Huwa għalhekk importanti li nibqgħu nkunu konxji ta’ dawn it-teknoloġiji li qed ifeġġu, biex inkunu mħejjija aħjar għall-bżonnijiet tal-futur, aktar u aktar meta dawn l-iżviluppi mgħaġġla u bla preċedent qed iġibu magħhom ċertu sfidi mhux żgħar li jekk ma noqogħdulhomx attenti jistgħu jpoġġuna f’diffikultajiet kbar.
Dan l-aħħar qamet diskussjoni u anki nkitbu artikli dwar jekk il-libertà fuq il-midja soċjali għandhiex tista’ tibqa’ mingħajr responsabbiltà. Dan hekk kif qed naraw sitwazzjonijiet li qed iħallu impatt fuq il-ħajja ta’ persuni diversi, u anke jaffettwaw is-saħħa mentali tagħhom.
Ngħidu aħna bħal ċertu kummenti li jintqalu u jinkitbu fuq il-mezzi soċjali, li qed iħallu effett mhux aktarx gravi fuq l-individwu, speċjalment fuq it-tfal, u f’xi sitwazzjonijiet dawn isiru mingħajr ma l-persuna li tkun qiegħda tikteb dawk il-kummenti tkun taf l-istampa kollha ta’ kif ikunu ġraw l-affarijiet.
Ma nistgħux ngħidu li l-iżvilupp u l-użu tal-midja soċjali huwa, mill-bidu sal-aħħar, ħażin. Hemm ukoll użu tajjeb tal-midja soċjali li jagħmel sens. Hu l-użu ħażin u abużiv tagħhom li jagħmel ħsara, f’xi waqtiet b’konsegwenzi dannużi.
Konxju ta’ dan, il-Gvern kien ukoll nieda konsultazzjoni pubblika dwar l-użu tal-midja soċjali b’mod partikolari minn tfal taħt l-età. F’dan il-proċess kienu tressqu għadd konsiderevoli ta’ sottomissjonijiet.
Dwar l-użu tal-midja soċjali kien ukoll tkellem id-Deputat Laburista Ray Abela, li appella għal diskussjoni serja dwar dan is-suġġett. Mhux biex titneħħa l-libertà tal-espressjoni jew ikun hemm ċensura, iżda biex ikun żgurat li kull libertà tkun akkumpanjata minn responsabbiltà.
Appella għal diskussjoni matura dwar qafas legali modern, politiki ċari u l-aħjar prattiki li jnaqqsu l-abbuż ta’ identitajiet foloz u jippermettu lill-awtoritajiet jidentifikaw lil min jikser il-liġi, dejjem taħt il-garanziji kollha tal-istat tad-dritt u tal-protezzjoni tad-data. Dan kollu fl-istess waqt li jkitkompla l-investiment fl-edukazzjoni ħolistika, is-sigurtà online u l-protezzjoni tat-tfal.
Għalhekk, bi prudenza nisħqu li għandha titkompla l-ħidma li kienet marbuta ma’ riformi maħsuba dwar l-użu tal-midja soċjali biex fuq kollox iwasslu li jkun hemm aktar protezzjoni u għarfien ta’ dak li huwa tajjeb u ħażin, ta’ dak li jagħmel ġid u dak li jagħmel ħsara fl-aspetti kollha.




