Kienet ippubblikata l-ħarġa ta’ Lulju tal-gazzetta Furjaniża ‘IL-FURJANA’. Din hi l-280 ħarġa minn mindu kienet ippubblikata l-ewwel ħarġa tagħha f’Ottubru tal-1953. Normalment ikunu ppubblikati erba’ ħarġiet kull sena – waħda għal żmien il-festa ta’ San Publju (April-Mejju), oħra bejn Ġunju u Lulju, waħda għall-ħabta ta’ Settembru/Ottubru, u l-aħħar waħda għal żmien il-Milied (f’Diċembru) – kull sena.
Wara li fil-ġimgħa li għaddew kienu ppubblikati żewġ ħarġiet speċjali – waħda biex tfakkar ir-rebħ minn Floriana FC tas-27 Kampjonat tal-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti fl-istorja tal-Klabb, u l-oħra b’tislima lill-artist Furjaniż Noel Galea Bason li miet f’nofs Mejju li għadda – issa jmiss ħarġa ‘normali’.
Il-feature ewlieni ta’ din il-ħarġa sajfija, jinsab fit-tmien paġni tan-nofs tagħha u li huma kollha ddedikati lil ħarsa lura lejn l-aħħar festa ta’ San Publju li kienet iċċelebrata fil-Furjana nhar il-Ħadd 19 ta’ April 2026.
F’dan ir-resumè tal-festa parrokkjali Furjaniża, tispikka l-istorja ta’ statwetta ta’ San Publju tar-resin maħduma 3D minn fuq il-vara maestuża tal-qaddis patrun tal-Furjana li kien ħadem l-iskultur Vincenzo Dimech fl-1811. Din l-istatwa żgħira spiċċat fil-Ġermanja wara li kienet regalata mis-Sindku Furjaniż Nigel Holland lis-Sindku tal-belt Ġermaniża ta’ Weiden in der Oberplaz fir-reġjun tal-Bavarja, Lens Meyer.
Is-Sindku Meyer, fi żmien il-festa parrokkjali tal-Furjana, mexxa delegazzjoni Ġermaniża għal żjara fil-Furjana bħala l-mistednin tal-Kunsill Lokali Furjaniż. Wara din iż-żjara, Meyer ta r-reazzjonijiet entużjasti tiegħu lil din il-gazzetta, li huma inklużi f’din il-ħarġa.
Kummenti simili saru wkoll minn wieħed mill-parruċċani u patrijiet Oratorjani minn parroċċa f’York fl-Ingilterra li għat-tieni sena konsekuttiva attendew u ħadu sehem fil-festa ta’ San Publju fil-Furjana.
Dan ir-round-up tal-festa titulari Furjaniża, jinkludi tagħrif u ritratti ta’ wħud mill-attivitajiet ewlenin li saru f’dik il-ġimgħa partikolari għall-Furjana. Dawn jinkludu fost l-oħrajn: il-festa ta’ San Publju ‘tat-tfal’; is-sehem tal-Banda Vilhena; is-serata ‘Magħna Għal Sekli Sħaħ; il-Pontifikal tal-Festa; tliet pubblikazzjonijiet tal-festa; il-premju ‘Ġieħ il-Floriana 2026’; il-Festival tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat 2026; il-premju ‘Tonna Trophy 2026’; President ġdid għall-Fsobians Club; u posters ta’ personaġġi Furjaniżi fi Triq il-Miratur.
Fl-ewwel faċċata ta’ din il-ħarġa ta’ Lulju ta’ ‘IL-FURJANA’ hemm żewġ stejjer ferm interessanti. Waħda tirreferi għall-esperjenzi ‘mqarbin’ ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjij kif rakkuntati minn Furjaniż li għalaq 100 sena. L-istorja l-oħra hi dwar il-konnessjoni li hemm bejn l-isfineġ ta’ San Ġużepp (li huma magħrufa wkoll fostna l-Maltin bħala żeppoli) u l-ostensorju ta’ San Publju.
Dawn iż-żewġ stejjer, li jkomplu fil-paġni ta’ ġewwa tal-gazzetta, huma akkumpanjati minn diversi ritratti.
Fil-ħarġa ta’ Lulju ta’ ‘IL-FURJANA’, minbarra l-Paġna tal-Kunsill Lokali, wieħed isib ukoll tagħrif dwar suċċessi miksuba minn sportivi Furjaniżi fl-aħħar xhur fi sport differenti; ħatriet għal Patri Stephen Magro; referenza għal djarju Naxxari ta’ żmien il-gwerra li għandha rabta mal-Furjana; s-sejba ta’ dokument antik dwar parti mill-pjanta tal-binja tal-Kurja; u tislima lil Graziella Castillo u Luciano Bonello li kienu fost il-Furjaniżi li ħallewna fl-aħħar xhur.
Min jixtieq jakkwista kopja ta’ din il-ħarġa tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’, jista’ jċempel fuq in-numri 79339649 jew 99821494, jew jikteb fuq l-indirizzi elettroniċi [email protected] jew [email protected]. L-indirizz postali hu ‘IL-FURJANA’, 44 Triq il-Kapuċċini l-Furjana FRN 1033.
L-istess dettalji jistgħu jintużaw ukoll minn min jixtieq jabbona fil-gazzetta għal ħlas nominali ta’ ħames ewro biss fis-sena, inkella jixtieq jakkwista xi kopja ta’ xi ħarġiet imgħoddija tal-gazzetta.
L-Amministrazzjoni tal-gazzetta Furjaniża fadlilha xi kopji tat-tliet kotba (wieħed dwar il-Furjana in ġenerali, ieħor dwar il-Knisja ta’ San Publju, u ieħor dwar l-Ark Trijonfali ta’ san Publju li kien inqered bin-nar fl-2019) li kienet ippubblikat fl-aħħar snin. Id-dettalji msemmija hawn fuq jistgħu jintużaw ukoll minn min jixtieq jakkwista xi kopja.
