L-avukata tad-difiża Giannella de Marco akkużat lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar b’korruzzjoni waqt kontro-eżami mimli tensjoni fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech. Cutajar ċaħad l-akkużi u sostna li qatt ma żvela informazzjoni dwar l-investigazzjoni u li l-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġie solvut taħt it-tmexxija tiegħu.
L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar spiċċa fiċ-ċentru ta’ kontro-eżami intensiv fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, fejn l-avukata tad-difiża Giannella de Marco akkużatu direttament li kien “kummissarju korrott” u allegat li ta informazzjoni lil persuni marbuta mal-investigazzjoni.
Il-konfront seħħ meta d-difiża kompliet tinsisti li Cutajar kien jaf minn qabel bl-arrest imminenti ta’ Melvin Theuma u li seta’ kien ta twissija dwar ir-rejd tal-pulizija.
Cutajar ċaħad dan b’mod kategoriku.
“Ma kontx naf id-data,” qal lill-Qorti. Meta De Marco qaltlu li kien “kummissarju korrott”, Cutajar wieġeb billi ddefenda l-ħidma tiegħu bħala kap tal-Korp tal-Pulizija. “Dan il-każ ġie solvut taħt it-tmexxija tiegħi. Bomba ma tħalli l-ebda traċċa u xorta waħda l-każ ġie solvut. Naħseb ħaqqni xi mertu. Ħadt deċiżjonijiet importanti marbuta ma’ dan il-każ.”
“Il-kontravvenzjoni kienet lixka” Matul ix-xhieda tiegħu, Cutajar ammetta li kompla jżomm kuntatt ma’ Edgar Brincat, magħruf bħala “il-Ġojja”, wara li dan kien avviċinah dwar kontravvenzjoni tat-traffiku. Huwa qal li uża dik il-kwistjoni bħala “lixka” biex jipprova jikseb informazzjoni dwar Melvin Theuma u r-recordings li l-pulizija kienet temmen li kellu.
Madankollu, qal li Brincat qatt ma tah informazzjoni utli. Cutajar insista wkoll li informa lill-investigaturi, lill-maġistrat inkwirenti, lis-Servizz tas-Sigurtà u lill-Europol dwar il-kuntatti tiegħu ma’ Brincat, għalkemm id-difiża kkontestat din il-verżjoni u rreferiet għal xhieda oħra mogħtija fil-ġuri.
“Qatt ma żvelajt informazzjoni”
Tul il-kontro-eżami, id-difiża ppreżentat diversi telefonati u messaġġi bejn Cutajar u Brincat, kif ukoll rekord ta’ telefonata bejn Cutajar u Johann Cremona. Cutajar qal li ma jiftakarx dik is-sejħa u ċaħad li qatt għadda informazzjoni dwar l-investigazzjoni lil Cremona jew lil xi ħadd ieħor.
“Nikkonferma taħt ġurament li qatt ma żvelajt informazzjoni marbuta mal-investigazzjoni.” Huwa ċaħad ukoll li kien jaf minn qabel bl-arrest ta’ Theuma u sostna li qatt ma tkellem ma’ Keith Schembri dwar il-każ, u li l-komunikazzjoni bejniethom kienet limitata għal xi messaġġi dwar il-futbol.
“Jekk tirċievi informazzjoni, tmur tkellem lill-kappillan?” Matul l-eżami prinċipali, Cutajar spjega wkoll għaliex kien għażel li jkellem lil Edgar Brincat. Skont hu, Brincat kien mar għandu d-dar biex jitolbu l-għajnuna dwar kontravvenzjoni, u dak il-mument ra opportunità biex jistaqsih dwar Melvin Theuma.
“Jekk tirċievi informazzjoni, x’tagħmel? Tmur tkellem lill-kappillan? Jew tkellem lill-persuna involuta?” Cutajar qal li kien jaf li Brincat u Theuma kienu qrib xulxin minħabba s-snin twal li għamel jaħdem fid-distrett ta’ Ħal Qormi.
Id-deċiżjoni li ma jiġix arrestat Theuma
L-eks Kummissarju xehed ukoll dwar waħda mid-deċiżjonijiet li qal kienet kruċjali fl-investigazzjoni. Huwa spjega li, meta l-pulizija bdiet tissuspetta li Theuma kellu recordings importanti, kien hemm min ried jarrestah minnufih. Madankollu, qal li wara diskussjonijiet mal-investigatur ewlieni Keith Arnaud, ġie deċiż li dan ma jsirx, għax arrest prematur seta’ jikxef id-direzzjoni tal-investigazzjoni.
Skont Cutajar, għalhekk Theuma tqiegħed taħt sorveljanza filwaqt li nfetħet investigazzjoni parallela mill-Financial Crimes, li wasslet għall-arrest tiegħu f’Novembru tal-2019.
Il-proklama ta’ Theuma
Cutajar ikkonferma li l-firma tiegħu kienet tidher fuq il-proklama presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma, iżda sostna li ma kellu l-ebda rwol fid-deċiżjoni dwar liema reati kellhom jiġu inklużi. “Dawk ir-reati ġew diskussi mal-Avukat Ġenerali, mhux miegħi. L-Avukat Ġenerali qabel magħhom, u jien iffirmajt.”
Huwa żied li l-proċess għadda mill-Kabinett qabel ma wasal għand il-President, filwaqt li enfasizza li kummissarju tal-pulizija ma jistax jagħti proklama presidenzjali.
Aktar kmieni: jintemm il-kontro-eżami ta’ Edgar Brincat
Qabel beda jixhed Cutajar, il-Qorti semgħet il-konklużjoni tal-kontro-eżami ta’ Edgar Brincat (“il-Ġojja”).
Matul ix-xhieda tiegħu ndaqqu diversi recordings ta’ konversazzjonijiet ma’ Melvin Theuma, fejn id-difiża ppruvat turi li Brincat kien qed jagħti direzzjoni lil Theuma dwar x’għandu jsemmi.
Brincat ċaħad li qatt qal lil Theuma x’għandu jgħid lill-pulizija jew lil Yorgen Fenech, filwaqt li sostna li kien biss qallu biex isemmi lin-nies b’isimhom u jkun ċar. Wara l-kontro-eżami, il-prosekuzzjoni għamlet ftit mistoqsijiet oħra biex tiċċara xi punti qabel Brincat temm ix-xhieda tiegħu.
