Ix-xquq fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u Iżrael qed jidhru dejjem aktar evidenti. Dan issa deher ċar u indikattiv fid-dikjarazzjoni riċenti tal-viċi-president Amerikan, JD Vance li akkuża b’mod qawwi lill-Iżrael li qed jipprova jimmanipula l-opinjoni pubblika fl-Istati Uniti sbiex itawwal aktar il-gwerra mal-Iran.
F’intervista ppubblikata ftit tal-jiem ilu, Vance qal li filwaqt li għandu fiduċja f’xi wħud fi ħdan il-gvern Iżraeljan, hemm oħrajn li qed jimmanipulaw u jippruvaw ibiddlu l-opinjoni pubblika Amerikana biex il-gwerra bejn l-Istati Uniti u l-Iran tkompli għaddejja għal żmien indefinit.
Il-gvern Iżraeljan ma rrispondiex immedjatament għall-kummenti ta’ Vance, iżda nhar il-Ħamis, il-kelliema għall-istampa tal-White House, Karoline Leavitt, qalet li temmen li l-President Donald Trump ċertament jaqbel li pajjiżi barranin żgur jippruvaw jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika Amerikana.
Fl-intervista Vance qal li kien hemm nies fi ħdan il-gvern Iżraeljan li ppruvaw jiżvijjaw lill-Istati Uniti biex twarrab l-isforzi tagħha għal ftehim fin-negozjati li kienet qed tagħmel mal-Iran.
“Bla dubju, wieħed seta’ jara din il-kampanja diskreta ħafna u ffinanzjata tajjeb immens biex tipprova tfixkel in-negozjati u l-ftehim innifsu,” qal Vance filwaqt li żied li hemm “evidenza ċara” li xi mexxejja Iżraeljani “jobogħdu ftehim mal-Iran”.
Ix-xahar li għadda, l-Istati Uniti laħqet ftehim mal-Iran, magħruf bħala memorandum ta’ ftehim (MOU). Dan il-ftehim ippermetta li jkomplu n-negozjati formali u kien jinkludi waqfien mill-ġlied għal 60 jum – li issa ġie abbandunat – kif ukoll kundizzjoni biex jerġa’ jinfetaħ għt-tbaħħir l-Istrett ta’ Hormuz.
Madankollu, reċentement reġgħu qamu tensjonijiet dwar l-Istrett, u l-Istati Uniti intensifikat l-attakki tagħha fuq l-Iran, filwaqt li Tehran immirat lejn l-alleati tal-Istati Uniti fir-reġjun.
Vance kien involut ħafna fin-negozjati mal-Iran – fejn ħa sehem f’negozjati fil-Pakistan f’April u vvjaġġa lejn l-Isvizzera f’Ġnju għall-iffirmar tal-MOU.
Din hija l-aħħar f’sensiela ta’ kritika li l-viċi president Vance għamel dan l-aħħar kontra Iżrael hekk kif l-amministrazzjoni ta’ Trump qed tkompli tipprova ssib tmiem għall-gwerra, kemm permezz ta’ negozjati diplomatiċi kif ukoll permezz ta’ attakki militari mġedda.
F’Ġnju, huwa ħeġġeġ lill-mexxejja politiċi Iżraeljani, li wħud minnhom kienu ċanfru lill-Istati Uniti dwar il-ftehim tagħha mal-Iran biex jestendu l-waqfien mill-ġlied bejn iż-żewġ pajjiżi.
Iżrael iqis lill-Iran bħala theddida għall-eżistenza tiegħu u jrid it-tneħħija sħiħa tal-programm nukleari u tal-missili tal-Iran, kif ukoll bidla fir-reġim.
Sadanittant, nhar l-Erbgħa, il-Kamra tar-Rappreżentanti rrifjutat miżura biex jitnaqqsu biljuni ta’ dollari f’għajnuna Amerikana lill-Iżrael.




