Reċentement, ħadt sehem f’seminar organizzat mill-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex biex jiddiskuti rapport tajjeb ħafna mħejji mill-Professur Godfrey Baldacchino dwar it-toroq lejn l-awtonomija li jinsabu quddiem dik il-gżira. Ir-rapport mhux biss ta sfond dwar l-istorja tat-tmexxija publika f’Għawdex matul is-sekli, imma forsi aktar importanti, fetaħ imrewħa wiesgħa sew dwar kif fid-diversi gżejjer u arċipelagi madwar id-dinja, il-governanza reġjonali qed titwettaq. Il-varjetà ta’ għażliet li jinsabu għaddejja hi tassew impressjonanti.
Dejjem qiest li l-kwistjoni ta’ aktar awtonomija għal Għawdex hi xi ħaġa li hi qrib ħafna ta’ xi jqanqal interess fost l-Għawdxin. L-istess ma japplikax għall-politkanti taż-żewġ partiti u fost il-membri taċ-ċivil, anke jekk jgħidu mod ieħor l-aktar għall-kirjanza.
Il-punt sar b’mod wiesgħa minn wieħed mill-parteċipanti fis-seminar (Għawdxi). Innota kif mnkejja li l-attendenza għas-seminar kienet waħda rispettabbli, ħadd ma attenda mill-Għawdxin li għandhom kariga elettiva, fuq bażi lokali jew nazzjonali.
***
IL-GVERN ĠERMANIŻ
Il-gvern Ġermaniż li jmiss (sakemm jiġu jaqblu l-membri tal-partiti rispettivi), immexxi mid-demokristjan Friedrich Merz, se jkun bejn żewġ partiti, mhux tlieta bħal taħt il-kanċellier li tielaq is-soċjalista Olaf Scholz. Dan sab diffikultajiet kbar biex iżomm qbil bejn il-partiti fil-koalizzjoni.
Bi tnejn fil-koalizzjoni taħt Merz, suppost l-affarijiet jimxu aħjar. Xejn xejn, iż-żewġ partiti se jkollhom programm ta’ ħidma dettaljat ħafna li qablu bejniethom matul ġimgħat sħaħ ta’ negozjati. Imma xorta jistgħu jqumu diffikultajiet. Membri tal-partit tal-kanċellier ġdid, mhux l-anqas mill-fergħa żagħżugħa, qed igergru li ċeda wisq lis-soċjalisti. Mill-partit soċjalista, l-inkwiet hu li qed iċedu wisq fuq il-prinċipji, speċjalment dwar klima u uħud mill-kapitli soċjali.
Il-qagħda tal-Ġermanja bħalissa xejn mhi sabiħa. L-ekonomija sejra lura. It-taħwid li qed taqla’ l-aministrazzjoni Amerikana dwar tariffi kompla jkabbar id-diffikultajiet. Il-pajjiż jeħtieġ gvern stabbli u magħqud.
***
TAXXI U SPIŻA TAL-GVERN
Il-lemin Ewropew u Amerikan, mhux l-anqas l-estrem populista tiegħu, irid anqas taxxi u anqas spiża tal-gvern.
B’tal-ewwel, qed ifissru tnaqqis fuq it-taxxi tal-income, tal-propjetà u tal-kapital. Jiġifieri tnaqqis fit-taxxi tas-sinjuri u sinjuruni. (Imma mbagħad il-President Trump qed idaħħal tariffi ġodda li mhuma xejn ħlief taxxi fuq il-konsum, jiġifieri bl-akbar impatt tagħhom fuq il-poplu bl-anqas dħul). B’anqas spiża tal-gvern, bilfors iridu jfissru tnaqqis fl-ispiża soċjali, għax dik militari ma jridux imissuha, ħlief biex iżiduha. Jiġifieri li qed jiġi propost u jitwettaq huma anqas piżijiet fuq min qiegħed ipappiha u aktar piżijiet fuq min jinsab diġà mgħobbi bihom.
Il-kurjuża hi kif parti sostanzjali mill-appoġġ li jsib il-lemin ġejja mis-saffi soċjali li finanzjarment qed ibatu.