Saturday, December 21, 2024

Ghirxi tinqatel b’daqqiet ta’ sikkina … il-Pulizija damu madwar 3 sigħat jitkellmu mal-agressur biex iċedi l-arma

Aqra wkoll

Nicolette Ghirxi, il-vittma tal-aħħar qtil ġiet maqtula b’daqqiet ta’ sikkina n-naħa ta’ fuq ta’ ġisimha. Hija nqatlet mill-eks sieħeb tagħha Edward William Johnson, Irlandiż ta’ 50 sena.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet ta’ d-dettalji ta’ kif seħħew l-affarijiet.

Qal li l-pulizija kienu rċivew telefonata għall-ħabta tal-11.50pm li raġel kien daħal f’lukanda b’arma tan-nar fejn beda jhedded lill-impjegati. Hekk kif il-pulizija waslu fuq il-post dan ir-raġel kien telaq, iżda saret tfittixja għalih fejn instab fuq il-blat f’San Ġiljan.

Hekk kif induna bil-preżenza tal-Pulizija hu qabeż fil-baħar bl-arma ppuntata lejn rasu. Kien hawn li l-uffiċjali tal-Pulizija bdew jinnegozjaw miegħu biex iċedi l-arma. Fl-istess ħin il-pulizija talbu tim mediku biex imorru fuq il-post biex jassistu.

Waqt dawn in-negozjati, Johnson stqarr mal-Pulziija li kien għadu kemm qatel persuna f’Birkirkara. Kien hawn li tim ieħor tal-pulizija bdew jaraw min setgħet kienet din il-persuna fejn ġie stabbilit l-appartament.

Hekk kif waslu fuq il-post, il-pulizija ħabbtu fuq il-bieb u x’ħin ma fetaħ ħadd huma kienet kostretti li jisgassaw il-bieb fejn sabu lill-vittma wiċċa ‘l fuq b’daqqiet ta’ sikkina. Il-pulizija ma sabet l-ebda sgass fl-appartment ta’ Ghirxi u allura għad irid jiġi stabbilit kif Johnson daħal.

L-Assistent Kummissarju tal-Pulizija qal li hemm possibilimnt li fil-qtil intużaw żewġ skieken hekk kif dawn instabu qrib sew il-katavru.

Il-Kummissarju tal-Pulizija kompla jgħid x’kien qiegħed jiġri qrib il-lukanda Hilton fejn qal li wara sigħat ta’ negozjati r-raġel tela’ mill-baħar dejjem bl-arma ppuntata lejn rasu. Għall-ħabta tat-3.00am, beda jipponta l-arma tan-nar fid-direzzjoni tal-pulizija u f’daqqa waħda ta s-salt lil wieħed mill-uffiċjali. Kien hawn li l-pulizija kienu kostretti jisparaw fuqu għax “issa ħajjithom kienet fil-periklu.”

Il-Kummissarju qal li s’issa għadu mhux magħruf jekk il-qattiel kienx taħt influwenza ta’ xi sustanza, u dan jista’ jiġi stabbilit mill-esperti li nħatru fl-inkjesta. Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn ftit tal-ħin wara ġie ċċertifikat mejjet.

Mill-ewwel investigazzjoni jirriżulta li l-arma li kellu fuqu r-raġel kienet replika, iżda kif stqarr il-Kummissarju tal-Pulizija qalu li hu ferm diffiċli li wieħed jistabbilixxi jekk l-arma kienix replika jew le.

S’issa l-eżami fuq ir-raġel għadu mhux konkluż, iżda hu żgur li ġie milqut minn 3 tiri ta’ arma tan-nar.

Intant, il-Kummissarju tal-Pulizija Gafà, qal li f’April li għadda l-vittma kienet għamlet rapport mal-Pulizija dwar fastidju li kienet qiegħed tirċievi mill-Irlandiż. Kien hawn li skattaw proċeduri stabbiliti, fejn il-vittma ntalbet tagħmel risk assesment mas-social workers. Iżda dakinhar hi kienet qalet li ħajjitha ma kinitx f’riskju u għalhekk ma aċċettax li tagħmel dan ir-risk assesment. Minkejja dan xorta waħda kienet qiegħda tiġi mitkellma mis-social workers u anke minn uffiċjali tal-pulizija.

Gafà qal li r-raġel kien jgħix l-Irlanda u meta sar ir-rapport mill-vittma ġie kkonfermat li hu kien jgħix barra minn Malta.

Nhar il-Ħamis li għadda, Ghirxi għamlet rapport mal-Pulizija li l-eks sieħbet tagħha kien irritorna Malta u hi kienet saret taf permezz ta’ applikazzjoni li kellha fuq il-mobile. Hawn mill-ġdid, il-vittma qalet li ma kinitx qiegħda tħossha fil-periklu.

Il-Kummissarju Gafà qal li fit-28 ta’ Lulju li għadda l-vittma kienet għamlet rapport mal-pulizija li l-eks sieħeb tagħha kien qiegħed ixerred ritratti tagħha fuq il-midja soċjali.

Dan l-artiklu qed jiġi aġġornat…

Ekonomija

Sport