Wednesday, December 25, 2024

Għoti ta’ ċertifikati għal taħriġ speċjalizzat lil ħaddiema fis-settur tad-diżabilità

Aqra wkoll

Għadd ta’ impjegati tal-Fondazzjoni Inspire li jaħdmu fil-programm STAR u għadd ta’ ħaddiema oħrajn ta’ Aġenzija Sapport, 37 b’kollox u kollha fis-settur tad-diżabilità, ingħataw taħriġ speċjalizzat minn Special Olympics Malta taħt il-programm Motor Activities Training Programme (MATP). 

It-taħriġ speċjalizzat ingħata minn Dr Eleni Rossifes, coach professjonali ta’ Special Olympics Malta. Ħdax minn dawn l-impjegati, sitta minn Aġenzija Sapport u ħamsa mill-Fondazzjoni Inspire, ġew preżentati wkoll b’ċertifikat ta’ MATP coaches. Dan it-taħriġ partikolari huwa maħsub biex il-ħaddiema konċernati jkunu jistgħu jimplimentawh ma’ persuni b’diżabilità li jattendu l-programmi ta’ matul il-jum. Dan seta’ jsir b’riżultat ta’ ftehim bejn l-Aġenzija Sapport fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u Special Olympics Malta, liema ftehim daħal fis-seħħ sentejn ilu.

Il-preżentazzjoni taċ-ċertifikati saret mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, mill-President ta’ Special Olympics Malta Lydia Abela u mill-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.

Il-Ministru Farrugia Portelli ddeskriviet il-koperazzjoni bejn it-tliet entitajiet konċernati bħala prova oħra tad-determinazzjoni li jsir dak kollu possibbli biex persuni b’diżabilità jkunu inklużi bis-sħiħ fis-soċjetà. Semmiet li għal darb’oħra qed naraw l-importanza li ninvestu fil-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tad-diżabilità u li nagħtuhom l-għodda neċessarja. “Huwa b’dan il-mod li verament nistgħu nilħqu inklużjoni fit-totalità tagħha”, ikkonkludiet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Il-President ta’ Special Olympics Malta Lydia Abela fissret il-ħidma bejn entitajiet differenti bħala ċelebrazzjoni tal-inklussività li ġġib esperjenzi pożittivi għal persuni differenti. “F’ħidmieti fi Special Olympics Malta niltaqa’ ma’ atleti mimlija determinazzjoni li jħarsu ’l quddiem u din il-kollaborazzjoni li wasslet għal taħriġ importanti tagħti ċ-ċans biex il-persuni b’diżabilità jkollhom l-aqwa opportunitajiet għal terapija fl-isport li tgħinhom anke fl-iżvilupp personali tagħhom”, qalet Dr Abela.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna qal li l-għan tal-aġenzija huwa li dejjem tkompli tinvesti fl-impjegati tagħha u toffrilhom opportunitajiet ta’ żvilupp u taħriġ speċjalment dawk li jaħdmu b’mod dirett ma’ persuni b’diżabilità.

It-taħriġ MATP itejjeb il-kordinazzjoni u l-kontroll tal-moviment tal-ġisem u ġie pjanat minn Special Olympics għal persuni b’diżabilità speċjalment dawk li għandhom diffikultajiet ta’ mobilità u għandhom diżabilità severa. Huwa mmirat ukoll għal persuni b’diżabilità li ma jistgħux jipparteċipaw f’taħriġ ieħor ta’ Special Olympics Malta u jikkompetu minħabba t-tip ta’ diżabilità tagħhom, kif ukoll għal dawk li għandhom diffikultà fl-imġiba u ma jistgħux isegwu dixxiplina sportiva.

Min-naħa l-oħra, il-programm STAR huwa wieħed ta’ matul il-jum li jilħaq persuni b’diżabilitajiet iktar severi u għalhekk ikopri l-provediment ta’ servizz speċjalizzat.

Preżenti għall-għoti taċ-ċertifikati kien hemm ukoll Anna Calleja, Direttur Nazzjonali ta’ Special Olympics Malta, u Antonello Gauci, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Inspire.

Ekonomija

Sport