Madwar 42,000 passiġġier mistennija jgħaddu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fit-13 u l-20 ta’ Awwissu, b’dawn il-jumejn mistennija jkunu l-aktar ġranet impenjattivi tas-sena. Matul ix-xahar ta’ Awwissu, in-nofstanhar ta’ filgħodu mistenni jkun l-aktar ħin impenjattiv għall-ajruport.
Hekk kif it-traffiku tal-passiġġieri mistenni jiżdied fit-terminal, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed iħeġġeġ lill-passiġġieri biex iżommu lilhom infushom infurmati qabel il-vjaġġ tagħhom u jagħmlu użu mill-faċilitajiet u s-servizzi disponibbli kemm qabel u anke tul il-vjaġġ tagħhom fl-ajruport.
Il-passiġġieri huma mfakkra jiċċekkjaw l-istatus tat-titjira tagħhom fuq www.maltairport.com qabel jitilqu lejn l-ajruport minħabba li sħaba ta’ rmied vulkaniku mill-iżbroff tal-Etna tinsab fuq il-Gżejjer Maltin u tista’ tkompli tikkawża xi xkiel għall-ivvjaġġar.
Kemm jekk se jħallu Malta għall-vaganza tas-sajf kif ukoll jekk qed jirritornaw lura, il-passiġġieri huma mħeġġa wkoll jieħdu nota ta’ dawn il-ftit punti importanti bil-għan li l-esperjenza u l-vjaġġ tagħhom fl-ajruport ikunu kemm jista’ jkun bla xkiel.
QABEL IL-VJAĠĠ
Il-passiġġieri huma mfakkra li jekk jaslu l-ajruport sagħtejn qabel il-ħin skedat tat-tluq tat-titjira tagħhom se jkollhom ħin biżżejjed biex jgħaddu mill-proċessi neċessarji u jaslu fil-gate fil-ħin.
Huwa importanti wkoll li l-passiġġieri jkunu konxji tal-aħħar regolamenti dwar oġġetti li jistgħu jinġarru fil-bagalja tal-kabina. Fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, likwidi f’kontenituri sa żewġ litri, kif ukoll apparat elettroniku, jistgħu jibqgħu fil-bagalja tal-kabina waqt il-kontroll tas-sigurtà.
Passiġġieri li se jġorru magħhom power banks huma mfakkra li dawk b’kapaċità sa 100 Wh huma ġeneralment permessi fil-bagalja tal-kabina. Power banks li għandhom kapaċità ta’ aktar minn 100 Wh ma jistgħux jittellgħu abbord l-ajruplan. Kull persuna tista’ ġġor magħha sa żewġ power banks fil-bagalja tal-kabina.
AKTAR SPAZJU U FAĊILITAJIET ĠODDA QABEL IS-SIGURTÀ
Fl-aħħar ġimgħat, infetaħ stabbiliment ġdid ta’ WHSmith fis-Sala taċ-Check-In. Fuq l-istess livell, il-faċilitajiet sanitarji ġew rilokati u issa jinsabu qrib iż-żona ċentrali tal-ajruport. Din iż-żona reċentement tkabbret, u issa tinkludi 10 gates disponibbli qabel is-sigurtà. Aktar titjib huwa ppjanat għall-ġimgħat li ġejjin.
Għal dawk li jixtiequ jieklu jew jixtru xi ħaġa tal-aħħar qabel jitilgħu lejn is-Sala tat-Tluq, fil-Food Court wieħed isib varjetà ta’ stabbilimenti tal-ikel, fosthom Burger King, KFC, Dr Juice, Falafel Street, Saigon u Paul Le Café, flimkien ma’ Fuwamai li fetaħ reċentament. L-ispiżerija tal-ajruport estendiet ukoll il-ħinijiet tal-ftuħ tagħha, u issa qed tiftaħ kuljum mis-07:00 sa 00:00, inkluż fil-Ħdud u l-festi pubbliċi.
MIS-SIGURTÀ GĦAS-SALA TAT-TLUQ
Wara li jgħaddu mill-kontroll tas-sigurtà, il-passiġġieri jidħlu fiż-żona kummerċjali ta’ DUFRY, fejn reċentement ġew introdotti diversi ditti ġodda, fosthom Charlotte Tilbury, Creed u Victoria’s Secret.
Il-passiġġieri huma mħeġġa jiċċekkjaw regolarment l-iskrins tal-informazzjoni dwar it-titjiriet għall-aħħar aġġornamenti u informazzjoni dwar it-titjira tagħhom, kif ukoll biex jagħtu biżżejjed ħin biex ikunu fil-gate malli din titħabbar. Fil-każ ta’ passiġġieri li jkunu qed jivvjaġġaw lejn destinazzjonijiet barra ż-Żona Schengen, huwa rakkomandat li jgħaddu mill-kontroll tal-passaport malli titħabbar il-gate.
Qabel imorru lejn il-gate, il-passiġġieri jistgħu jimlew il-fliexken tal-ilma tagħhom mingħajr ħlas mill-funtani tal-ilma potabbli li jinsabu faċċata ta’ Gate 10 u Gate 17.
APPOĠĠ LILL-FAMILJI MATUL IL-VJAĠĠ
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta joffri wkoll għadd ta’ servizzi disponibbli biex jgħinu lill-familji li jkunu qed jivvjaġġaw matul l-aktar perjodu impenjattiv tas-sajf.
F’Livell 0 hemm Parental Room apposta għall-ġenituri li jkunu jeħtieġu spazju aktar kwiet waqt il-ħin tagħhom fl-ajruport. Il-ġenituri jistgħu jitolbu aċċess mingħand ir-rappreżentanti tal-Customer Services li jkunu dejjem disponibbli fl-Information Desk. Minn hawnhekk, il-passiġġieri li jkunu qed jivvjaġġaw bit-tfal jistgħu wkoll jiġbru kotba tal-attivitajiet b’xejn biex iżommu liż-żgħar okkupati.
Il-familji li jkunu qed jivvjaġġaw bit-tfal jistgħu wkoll jagħmlu użu mil-lane tas-sigurtà apposta għall-familji, li hija maħsuba biex tiffaċilita l-proċess tal-kontroll tas-sigurtà għal dawk li jkunu qed jivvjaġġaw bi tfal żgħar. Il-greeters tagħna se jkunu wkoll preżenti madwar it-terminal biex joffru l-assistenza fejn ikun meħtieġ.
Il-feedback tal-passiġġieri huwa strumentali biex jgħin lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jkompli jtejjeb l-esperjenza tal-passiġġieri. Permezz tal-Airport Feedback Programme, il-passiġġieri jistgħu jaqsmu l-opinjoni tagħhom dwar l-esperjenza fl-ajruport. Dawk li jimlew l-istħarriġ disponibbli fuq is-sit tagħna jkollhom iċ-ċans jirbħu vouchers li jistgħu jissarfu fl-istabbilimenti kollha tal-ajruport.

