Il-passaġġ ħieles għall-ivvjaġġar mill-Istrett ta’ Hormuz li bħalissa huwa mblukkat minħabba l-gwerra bejn l-Istati Uniti u l-Iran huwa essenzjali għall-funzjonament bla xkiel tal-ekonomija dinjija.
Il-President ta’ Malta Dr Myriam Spiteri Debono qalet dan f’diskors li għamlet fl-okkażjoni tal-84 anniversarju tal-kommemorazjoni tal-‘Operation Pedestal’, magħrufa bħala l-Konvoj ta’ Santa Marija.
Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta saħqet li kwalunkwe għeluq jew ostaklu għall-imsemmi passaġġ, jaffettwa b’mod negattiv il-provvisti globali tal-enerġija u jwassal għal żieda fil-prezzijiet taż-żejt, tal-gass likwidu u ta’ fjuwils oħra.
Hija enfasizzat fuq l-importanza li l-pajjiżi li huma aktar influwenti minn oħrajn fix-xena internazzjonali jieħdu rwol ta’ tmexxija fl-oqsma kollha u jmexxu ’l quddiem l-aġendi tal-isfidi li qed jaffaċċjaw iċ-ċittadini tal-lum.
Tkellmet ukoll dwar il-konsegwenzi taż-żewġ gwerer dinjija, u qalet li dawn ġabu magħhom ir-realizzazzjoni li l-ħajjiet kienu jintilfu għalxejn kieku futur mibni fuq il-prinċipji tal-paċi, il-libertà, l-armonija bejn in-nazzjonijiet u, fuq kollox, id-dinjità tal-bniedem, ma jkunx sostnut u sostenibbli.
Dr Spiteri Debono fissret li l-kunflitti globali tal-lum, speċjalment dawk eqreb lejna, bħall-kunflitt li għadu għaddej bejn ir-Russja u l-Ukrajna, is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani kif ukoll żoni oħra ta’ tensjoni madwar id-dinja mhux biss jikkonfermaw iżda jenfasizzaw il-verità li fil-gwerer ma jkunx hemm ebda rebbieħa, imma telliefa biss.
Matul id-diskors tagħha, hija rrimarkat li s-sigurtà ma tistax tiġi interpretata sempliċiment f’termini militari u n-nies m’għandhom qatt jgħixu fil-biża’, fl-inċertezza u fin-nuqqas ta’ affarijiet essenzjali.
Dwar il-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-President qalet li din torbotna nfittxu l-paċi u l-kooperazzjoni internazzjonali. “Ir-rwol ta’ Malta llum il-ġurnata mhuwiex definit mill-pożizzjoni militari u ġeografika strateġika tagħna, iżda mir-rieda tagħna li ninkoraġġixxu d-djalogu, insaħħu l-kooperazzjoni u nqiegħdu r-rispett għad-dinjità tal-bniedem fil-qalba tal-azzjonijiet tagħna. Il-valuri li sostnew lil Malta matul dawk ix-xhur diffiċli għadhom rilevanti llum daqskemm kienu 84 sena ilu,” kompliet tgħid il-President Spiteri Debono.
Hija temmet id-diskors tagħha billi qalet li s-sagrifiċċji ta’ missirijietna qed isejħulna biex ma ndawrux wiċċna mit-tbatija tal-bniedem, iżda biex inqumu għad-difiża tal-prinċipji li jmexxu ‘l quddiem il-paċi dejjiema biex inkomplu nibnu soċjetà fejn id-differenzi jiġu solvuti permezz tad-djalogu u mhux bil-vjolenza.

