Friday, June 26, 2026

Gozo Channel Operations Ltd tippubblika sejħa għall-offerti kompetittiva għall-kiri ta’ raba’ vapur

Aqra wkoll

Il-Ministeru għal Għawdex, permezz tal-Gozo Channel Operations Ltd, ippubblika sejħa kompetittiva għall-offerti għall-kiri ta’ raba’ vapur sabiex jopera fuq ir-rotta bejn Malta u Għawdex.

L-offerta hija maħsuba għall-kiri ta’ raba’ vapur permezz ta’ ftehim ta’ time charter, bil-għan li tissaħħaħ il-flotta eżistenti u jiġi żgurat servizz tal-vapuri affidabbli, effiċjenti u reżiljenti bejn iż-żewġ gżejjer.

Il-kuntratt li eventwalment jingħata se jkun għal perjodu inizjali ta’ sentejn u huwa mfassal biex jattira firxa wiesgħa ta’ operaturi billi japplika l-prinċipju tal-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità fl-evalwazzjoni tal-offerti.

Din l-inizjattiva tifforma parti mill-impenn kontinwu tal-Ministeru biex jissalvagwardja l-konnettività li hija essenzjali għal Għawdex. Il-vapur addizzjonali se jgħin biex jindirizza d-domanda dejjem tikber għat-trasport tal-passiġġieri u tal-vetturi, filwaqt li jikkontribwixxi biex jinżammu standards għoljin ta’ servizz, affidabbiltà u frekwenza fir-rotta bejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr.

Il-Ministeru għal Għawdex huwa kommess li jkompli jsaħħaħ il-konnettività ta’ Għawdex, filwaqt li jagħraf l-importanza ċentrali tagħha għall-mobbiltà, l-attività ekonomika u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti u tan-negozji.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport