Gozo ġew inkurunati bħala ċ-champions ta’ The Street Football Mini World Cup wara li fil-finali li ntlagħbet fil-grawnd ta’ 3-a-side f’Buġibba għelbu lil Brażil bil-golden goal wara draw ta’ 2-2. Il-gowl deċiżiv wasal minn Matteo Camilleri, filwaqt li ż-żewġ gowls ta’ qabel kienu skurjati minn Ian Zarb.
Matul il-kompetizzjoni, Gozo kisbu draw ta’ 4-4 kontra Spanja filwaqt li fil-fażi tal-gruppi huma temmew fi draw spettakolari ta’ 6-6 kontra l-Brażil. Huma ddominaw ukoll lil United Africa 5-0, qabel fis-semifinali rebħu lil Malta 4-0.
Fit-turnew ħadu sehem ukoll Malta, Ingilterra, Franza, il-Portugall, il-Kolombja u United Africa.
Fi tmiem il-konfront l-organizzaturi Maria Coppola u James Almeida qassmu l-premjijiet lir-rebbieħa.




