Il-Prim Ministru Robert Abela jistieden lill-Kamra tal-Kummerċ biex tressaq rakkomandazzjonijiet li jkomplu jsaħħu d-direzzjoni tal-Gvern favur ekonomija b’valur miżjud

Aqra wkoll

Meta kien qed jindirizza laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ, f’laqgħa li ssir fil-bidu ta’ leġiżlatura, il-Prim Ministru Robert Abela ħeġġeġ lill-Kamra tal-Kummerċ biex tressaq rakkomandazzjonijiet allinjati mal-prinċipji tal-Malta Labour Migration Policy biex il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna jkompli jħalli aktar valur miżjud mingħajr il-ħtieġa ta’ aktar ħaddiema.

Il-Prim Ministru rrimarka li fil-pajjiż għandna diskussjoni fejn hawn min jisħaq li l-Gvern kien aggressiv wisq bl-implimentazzjoni tal-Labour Migration Policy. Dr Abela sostna li l-għażliet li għandu quddiemu l-pajjiż huma li nkomplu nevolvu l-mudell ekonomiku bi tkabbir ekonomiku sostenibbli bbażat fuq il-kwalità. Dan huwa allinjat mal-pjan nazzjonali tal-pajjiż, il-Viżjoni Malta 2050.

Dr Abela, li kien akkumpanjat minn numru ta’ Ministri, spjega kif il-Gvern qed jiffoka fuq ekonomija aktar diġitalizzata. Qal ukoll li l-mudell ekonomiku li tħaddem fl-aħħar snin, grazzi wkoll għal dawk fin-negozju, wassal biex l-ekonomija Maltija qed tesperjenza l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea. “Dan huwa l-punt tat-tluq. Mingħajr ir-rata ta’ tkabbir li kellna, l-opportunitajiet u l-prijoritajiet li nitkellmu dwarhom ma kinux ikunu possibbli,” qal Dr Abela.

Il-Prim Ministru fakkar illi dan it-tkabbir ekonomiku wassal biex il-Gvern seta’ jkompli jattira l-investiment u joħloq ix-xogħol. “Dan filwaqt illi madwarna fl-Ewropa qed naraw sitwazzjoni fejn ħafna gvernijiet jinsabu taħt pressjoni proprju għax mhux jirnexxilhom jattiraw l-investiment u allura joħolqu ix-xogħol.” Huwa għalhekk qal li d-dmir tal-Gvern se jibqa’ dak li jaħdem biex itejjeb l-infrastruttura u s-servizzi tal-pajjiż.

Kien hawn li tkellem dwar il-ħidma tal-Gvern fil-qasam tal-elettriku. “Għal għexieren ta’ snin ma sarx investiment, la fil-ġenerazzjoni u lanqas fid-distribuzzjoni tal-elettriku. Aħna, bħala Gvern, tlaqna fl-2013 b’investiment sostanzjali f’power station ġdida li taħdem bl-LNG, lestejna x-xogħol fuq l-interconnector u beda investiment bla preċedent fid-distribuzzjoni. Għexieren ta’ kilometri li fihom is-sistemi ta’ cables bdew jinbidlu,” spjega l-Prim Ministru. Filwaqt li fakkar li nbnew ċentri ġodda ta’ distribuzzjoni, Dr Abela rrikonoxxa li għad hemm aktar xogħol xi jsir biex inkomplu nsaħħu s-sistema u nagħmluha aktar reżiljenti.

Dr Abela ta garanzija li x-xogħol ta’ investiment fid-distribuzzjoni tal-elettriku se jibqa’ għaddej, anzi se jkun aktar aċċellerat.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministri Silvio Schembri, Miriam Dalli, Clyde Caruana, Jonathan Attard, Jo Etienne Abela, Keith Azzopardi Tanti u Glenn Bedingfield u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Dr Mark Mallia.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport