Din il-ġimgħa se tiġi ppubblikata reviżjoni fir-regolamenti tal-kategorizzazzjoni tal-bdiewa sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza fil-proċeduri u tingħata assistenza aqwa lill-bdiewa.
Ix-xogħol fuq is-Suq tal-Bdiewa f’Ta’ Qali se jibda f’Settembru li ġej.
Il-Gvern se jkun qiegħed jippubblika emendi għar-regolamenti dwar il-kategorizzazzjoni tal-bdiewa u r-raħħala li ddaħħlu fl-2024. Dawn ir-regolamenti jgħinu lill-Gvern jassisti bl-aħjar mod lil kategoriji ta’ bdiewa differenti, b’mod speċjali lil dawk il-bdiewa li jipproduċu l-aktar u li l-għajxien tagħhom jiddependi mill-agrikoltura.
Dr Abela qal dan waqt li kien qed jiddiskuti diversi temi mal-membri tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Agrikoltura fil-Buskett. Irrimarka li l-aġġornamenti approvati mill-Kabinett se jkomplu jtejbu l-qafas legali li hemm fis-seħħ, jiġu ssimplifikati l-proċeduri u jintroduċu sistema aktar ġusta għall-bdiewa imfassla skont il-livell tad-dħul tagħhom. B’hekk l-attività agrikola mhux se tibqa’ bbażata biss fuq id-daqs tal-intrapriża agrikola iżda fuq id-dħul attwali u ddikjarat mill-bidwi.

Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li x-xogħol fuq is-Suq tal-Bdiewa f’Ta’ Qali se jkun qed jibda f’Settembru li ġej. Huwa qal li dan il-proġett huwa miżura tal-programm elettorali tal-Gvern. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jipprovdi faċilitajiet attrezzati għall-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda u jagħtihom aktar opportunitajiet ta’ bejgħ dirett. Mill-banda l-oħra l-konsumatur se jkollu aċċess għal għażla aktar wiesgħa ta’ prodotti friski, sustanzjużi u bi prezz affordabbli ta’ kuljum.
Waqt li kien qed jisma’ l-ideat u s-suġġerimenti tar-rappreżentanti tal-bdiewa u r-raħħala, il-Prim Ministru qal li inizjattivi bħal dawn isaħħu l-provvista tal-ikel, iħarsu l-wirt agrikolu u jipproteġu l-ambjent rurali ta’ pajjiżna. Huwa semma li għalkemm dawn il-benefiċċji huma importanti, il-Gvern se jibqa’ ffokat fuq it-tisħiħ tar-reżiljenza tas-settur u t-titjib tad-dħul tal-bdiewa u r-raħħala.
“Parti mis-sodisfazzjon li nħoss kemm ilni Prim Ministru huwa n-numru ta’ riformi li wettaqna u l-appoġġ li tajna sabiex dan is-settur jibqa’ wieħed vijabbli, fosthom ir-riforma komprensiva tal-art agrikola, l-immodernizzar fil-Biċċerija Pubblika u r-riforma fil-Pitkalija,” qal il-Prim Ministru.
Huwa semma wkoll numru ta’ inizjattivi oħra li saru fis-settur, fosthom l-espansjoni tas-sistema tan-new water, skemi mnedija biex jittejjeb l-aċċess għall-art agrikola, skemi ta’ immodernizzar tal-inġenji tar-raba’ u l-irziezet u appoġġ biex il-bdiewa u r-raħħala jilqgħu għaż-żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti impurtati.

Hawnhekk Il-Prim Ministru rrefera għaż-żieda fil-bejgħ ta’ ħaxix u frott mill-Pitkalija li tela’ minn €21 miljun fl-2021 għal kważi €28 miljun fl-2025. Huwa qal li din il-ħidma se tkompli tissaħħaħ permezz ta’ sistema diġitali ġdida fil-Pitkalija, l-użu ta’ kontenituri aktar moderni u investiment fil-faċilitajiet infushom.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo. Huwa ħabbar li l-Gvern se jkun qed iwettaq miżura oħra mill-programm elettorali hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin se titnieda kampanja ta’ għarfien dwar il-kultivazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ u l-produzzjoni taż-żebbuġ u ż-żejt taż-żebbuġa.
“Din il-miżura hija marbuta mal-ħidma li qed nagħmlu sabiex nagħtu rikonoxximent uffiċjali lill-varjetà endemika Maltija taż-żebbuġ Bidni u ż-żejt prodott minnha bħala Prodott ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini (PDO)”, qal il-Ministru Refalo.
Qabel il-laqgħa mal-Kunsill Konsultattiv il-Prim Ministru Robert Abela żar iċ-Ċentru tad-Dwieli, fil-Buskett stess. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li s-settur tal-vitikultura huwa importanti bħala vetrina tal-agrikoltura lokali, b’potenzjal ta’ qligħ ġust. “Għalina l-produzzjoni tal-inbid hija niċċa turistika importanti u f’din il-leġiżlatura se naraw li jitlesta l-Mużew tal-Inbid fiż-Żebbuġ, Għawdex u naraw li ċ-Ċentru tal-Vitikultura tal-Buskett fejn qegħdin illum jinfetaħ għall-viżitaturi.” Kompla jgħid li l-Gvern qed iħares ukoll lejn il-potenzjal tat-turiżmu marbut mal-inbid.
Il-Prim Ministru Robert Abela afferma mill-ġdid li l-viżjoni tal-Gvern fl-agrikoltura hija dik ta’ trasformazzjoni lejn mudell li jagħti prijorità lill-valur miżjud, biex minn produzzjoni tradizzjonali s-settur jimxi għal metodi innovattivi filwaqt li minn inizjattivi iżolati jinħoloq żvilupp rurali integrat. “Se jibqa’ jkollkom djalogu effettiv u ħaj magħna bħala Gvern, mal-Ministru u s-Segretarju Permanenti responsabbli, u l-ħaddiema tagħhom – u kull meta jkun hemm bżonn miegħi wkoll. Dan huwa t-tip ta’ rapport onest u ġenwin li bnejna fl-aħħar snin u li fuqu jiddependi s-suċċess tal-agrikoltura ta’ pajjiżna,” temm jgħid Dr Abela.
