Tuesday, July 28, 2026
Home Sport Logħob tal-Commonwealth 2026: Rekord personali għal Kim Camilleri Lagana fid-debutt tagħha

Logħob tal-Commonwealth 2026: Rekord personali għal Kim Camilleri Lagana fid-debutt tagħha

0
23

L-atleti Maltin kienu impenjati fi tliet dixxiplini nhar it-Tnejn 27 ta’ Lulju. Kienet ġurnata ta’ wirjiet promettenti, fosthom rekord personali miksub mill-weightlifter Kim Camilleri Lagana fid-debutt tagħha fil-Logħob tal-Commonwealth.

Atletika

Claire Azzopardi u Graham Pellegrini kkompetew fil-heats tal-100m dalgħodu. Azzopardi temmet it-tellieqa f’11.87 sekondi u kisbet it-tielet post fil-heat tagħha fl-ewwel rawnd tal-100m tan-Nisa, filwaqt li Pellegrini għamel ħin ta’ 10.84 sekondi biex spiċċa fil-ħames post fit-tielet heat tal-ewwel rawnd tal-100m tal-Irġiel.

Iż-żewġ atleti jerġgħu jikkompetu nhar l-Erbgħa 29 ta’ Lulju, meta jieħdu sehem fil-heats tal-ewwel rawnd tal-200m tan-Nisa u tal-Irġiel rispettivament.

Lawn Bowls

Shaun Parnis temm l-impenji tiegħu fis-Singles tal-Irġiel illum kontra l-Gżejjer Falkland, fejn tilef 3–5, 3–6. L-avversarju tiegħu, Cecil Alexander, beda tajjeb, rebaħ l-ewwel set u baqa’ fil-kontroll tal-logħba.

Parnis baqa’ jiġġieled sal-aħħar u kkontesta kull end, iżda dan ma kienx biżżejjed hekk kif tilef il-logħba 2–0. Minkejja dan, huwa temm l-impenji tiegħu fit-tieni post tal-grupp tiegħu.

Weightlifting

Kim Camilleri Lagana ħalliet impressjoni pożittiva fl-ewwel parteċipazzjoni tagħha fil-Logħob tal-Commonwealth, fejn spiċċat fit-tmien post fil-kompetizzjoni tan-nisa tal-kategorija tat-53kg, bħala l-iżgħar atleta fost il-parteċipanti.

Hija fetħet il-kompetizzjoni b’snatch ta’ 70kg, qabel ma fit-tielet tentattiv kisbet rekord personali ġdid ta’ 73kg.

Fil-clean and jerk, hija refgħet 90kg u 93kg, riżultati li għal ftit ħin poġġewha fil-quċċata tal-klassifika. Fl-aħħar tentattiv tagħha ppruvat terfa’ 96kg, piż li kien itellagħha żewġ postijiet oħra fil-klassifika, iżda ma rnexxilhiex tlesti l-lift.

Dan ir-riżultat inkiseb minkejja li Camilleri Lagana għadha ġejja lura minn injury li llimitatilha l-opportunità li tibni s-saħħa f’riġlejha fit-tħejjija għall-kompetizzjoni.

Il-Programm tat-Tlieta

Nhar it-Tlieta, Team Malta se jkun qed jikkompeti f’diversi dixxiplini.

Fl-Atletika, Jared Micallef u Matthew Galea Soler se jikkompetu fil-heats tat-800m u tal-400m rispettivament.

Il-ġinnasta artistika Philippa Busuttil se tikkompeti fil-Finali tal-Balance Beam, filwaqt li l-għawwiema Sasha Gatt se tieħu sehem fil-heats tat-800m Freestyle.

Il-weightlifters Maltin se jkunu kollha fl-azzjoni, b’Rylee Borg fil-kategorija ta’ taħt it-88kg, segwit minn Roberta Tabone (-63kgs) u Tenishia Thornton (-69kg).

Fil-Lawn Bowls, Connie Rixon se tilgħab kontra Emily Jim tal-Gżejjer Cook fis-Singles tan-Nisa, filwaqt li Shaun Parnis u Troy Lorimer se jikkompetu kontra l-Malasja fil-Pairs tal-Irġiel.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here