Gozo Pride 2026 bit-tema “Pride Without Permission” – ċelebrazzjoni tal-libertà, id-dinjità u l-ugwaljanza

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, flimkien mal-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar, attendew għall-ħames edizzjoni tal-Gozo Pride 2026 bit-tema “Pride Without Permission”. Dan kien messaġġ qawwi favur il-libertà, id-dinjità u d-dritt ta’ kull persuna li tkun hi stess mingħajr biża’ ta’ diskriminazzjoni, preġudizzju jew esklużjoni.

Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, stqarr li l-Pride hija aktar minn ċelebrazzjoni annwali, iżda tirrappreżenta mixja ta’ kuraġġ, vuċi u bidla li wasslet lis-soċjetà tagħna biex tagħmel passi importanti fil-qasam tal-ugwaljanza u d-drittijiet ċivili. Il-Ministru rrefera għall-progress li għamel Għawdex f’dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari l-bidla fl-attitudnijiet u l-ħolqien ta’ ambjent dejjem aktar sigur, miftuħ u inklussiv għall-komunità LGBTIQ+. F’dan il-kuntest, il-Ministru fakkar li fl-2023 Malta kellha l-unur li tilqa’ għall-ewwel darba l-EuroPride, avveniment li wera wkoll il-progress li għamlet is-soċjetà Maltija u l-kontribut ta’ Għawdex lejn komunità aktar inklussiva.

Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li dan il-progress huwa frott ta’ ħidma kontinwa, bidliet fil-liġijiet u fl-attitudnijiet, iżda wkoll tal-ħidma ta’ persuni u organizzazzjonijiet li għal snin sħaħ ħadmu favur l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-komunità LGBTIQ+. Huwa spjega li “l-progress ma jitkejjilx biss bil-liġijiet li ngħaddu jew bil-politiki li nfasslu. Jitkejjel ukoll bl-esperjenza ta’ kuljum ta’ kull persuna, minn kemm tħossha sigura fid-dar tagħha, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, fit-triq u fil-komunità tagħha. It-tema ta’ din is-sena, ‘Pride without Permission’, tenfasizza li l-libertà, id-dinjità, ir-rispett u l-imħabba m’għandhomx bżonn permess imma huma drittijiet li kull persuna għandha. U għalhekk irridu nibqgħu nħarsu dawn id-drittijiet.”

Il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar qalet li “l-Gozo Pride ta’ din is-sena, bit-tema ‘Pride Without Permission’, twassal messaġġ ċar u qawwi: li kull persuna għandha d-dritt tkun min hi, tħobb lil min tħobb u tgħix b’dinjità, mingħajr ma jkollha bżonn il-permess, l-approvazzjoni jew il-validazzjoni ta’ ħaddieħor. Il-progress li ksibna bħala pajjiż fil-qasam tal-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem jistħoqqlu jiġi ċċelebrat, iżda qatt m’għandna nqisuh bħala xi ħaġa garantita. Id-drittijiet iridu jiġu mħarsa, imsaħħa u mwassla lill-ġenerazzjonijiet futuri.” 

Hija kompliet tgħid li l-Gozo Pride tibqa’ importanti għaliex tfakkarna li l-inklużjoni u r-rispett m’għandhomx ikunu xi ħaġa ta’ darba biss, jew valuri li nħaddnu biss meta jkun konvenjenti, iżda għandhom ikunu parti mill-ħajja ta’ kuljum. Indubjament, dan il-messaġġ jibqa’ relevanti kemm għal Għawdex kif ukoll għal Malta, hekk kif inkomplu naħdmu favur soċjetà mibnija fuq l-ugwaljanza, fejn kulħadd ikun jista’ jgħix b’awtentiċità u fis-sigurtà.

Roan Coughtry, Membru Eżekuttiv ta’ LGBTIQ+, qalu li “aħna m’aħniex hawn biss biex niċċelebraw, qegħdin hawn biex nipprotestaw kontra l-inġustizzja, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza. Illum qegħdin hawn bħala att ta’ viżibbiltà, tifkira u solidarjetà. L-istorja wrietna darba wara l-oħra li d-drittijiet qatt mhuma garantiti, jistgħu jinbidlu u jittiħdulna.”

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-Ministeru għal Għawdex se jibqa’ jappoġġja l-LGBTIQ+ Gozo, li qed tagħmel ħidma importanti biex twassal il-vuċi tal-komunità, tqajjem kuxjenza u ssaħħaħ il-ħidma fil-qalba tal-komunità Għawdxija. F’dan ir-rigward, il-Ministru fakkar li fl-2021 il-Ministeru għal Għawdex ipprovda uffiċċju ġdid lill-organizzazzjoni, il-Qawsalla Hub, minn fejn tipprovdi wkoll servizzi lill-membri Għawdxin tal-komunità LGBTIQ+.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport