Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela kien mistoqsi wkoll dwar l-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid Laburista. Huwa ħabbar li fis-sigħat li ġejjin se joħroġ it-tender għal sound stages ġodda fil-Malta Film Studios sabiex ikun attirat aktar investiment u jinħoloq aktar xogħol f’dan il-qasam.
Ħabbar ukoll illi quddiem sfidi marbuta mal-elettriku f’Għawdex, wieħed mill-proġetti li se jimbarka fuqu l-Gvern huwa li Għawdex ikollha element ta’ awtonomija fl-enerġija. Għalhekk huwa ppjanat li jsir back up plant f’Għawdex biex meta jkun hemm ħsara fuq tnejn mit-tliet cables tad-dawl, tintuża din l-infrastruttura.
Huwa tenna li f’dawn il-ġimgħat il-Gvern wera li jrid ikompli jittraduċi s-saħħa ekonomika fi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji. Elenka diversi miżuri u passi li diġà ħa l-Gvern, fosthom ir-riforma fil-qasam tal-IVF bit-twessigħ tal-PGT-M u inqas burokrazija biex aktar koppji Maltin isiru ġenituri. “U għandna riżultati li jagħtuna kuraġġ: Is-sena li għaddiet twieldu rekord ta’ 254 tarbija permezz tal-IVF, u aktar minn elf tarbija minn meta beda jingħata s-servizz f’Malta.
Dr Abela semma l-investiment ta’ €120 miljun biex jitkabbar id-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei u faċilitajiet ġodda għall-kura akuta tas-saħħa mentali, proġetti li bdew proprju x-xahar li għadda. Semma’ wkoll kif f’100 jum inbdiet ir-riforma fil-qasam tal-appelli fl-ippjanar, beda il-proċess biex il-White Rocks ikun protett bħala Park Nazzjonali u ddaħħlu liġijiet biex jissaħħu d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.
Mistoqsi dwar l-edukazzjoni Dr Abela qal li matul il-ġimgħa l-Gvern ħabbar li qed jaħdem fuq proposta biex tiġi diskussa għal skola sekondarja vokazzjonali. Fakkar li kien Gvern Nazzjonalista li neħħa dawn l-iskejjel “u sal-lum għadna nisimgħu lil min kien responsabbli minn dik id-deċiżjoni jiġġustifikaha.” Elenka ħidma ukoll fuq is-sigurtà fil-pajjiż, bl-introduzzjoni tal-on the spot fines, li tista’ twassal għal deportazzjoni f’xi każijiet. “Il-messaġġ huwa li aħna nilqgħu lil min iżurna jew jgħix hawn. Daqstant importanti iżda hija l-osservanza tar-regoli.”
“Il-poplu tana l-fiduċja tiegħu għal mandat sħiħ, u r-responsabbiltà tagħna hija li kull sena, kull Budget u kull deċiżjoni jressquna eqreb lejn dak li wegħdna. Għalhekk iż-żmien li ġej se jkun wieħed ta’ aktar xogħol, aktar implimentazzjoni u fejn ikun hemm bżonn, anke deċiżjonijiet kuraġġużi”, temm jgħid Dr Abela fl-attività bit-tema ‘Viċin Tiegħek’.

