“Minflok il-populiżmu u l-partiġġjaniżmu għażilt il-maturità u l-prudenza” – il-Prim Ministru Robert Abela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara l-eżitu tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech, il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ appella għall-kawtela anke fid-dawl li qed jiġi rrapportat li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jikkonsidra li jippreżenta appella mis-sentenza tal-Qorti Kriminali.
Waqt li kien qed jiġi intervistat minn Reno Bugeja f’Ta’ Qali, il-Prim Ministru fakkar kif wara l-verdett ta’ nhar l-Erbgħa, l-appell li għamel kien wieħed ta’ prudenza u kawtela anke għaliex għadu għaddej dan it-terminu importanti fejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jagħmel ir-riflessjoni tiegħu dwar jekk jippreżentax appell.

“Kruċjali li f’dan il-mument lill-Uffiċċju tal-AĠ bi kliemna nagħtuh l-appoġġ. Mhux ikollok l-oxxenità li rajna f’dawn l-aħħar sigħat minn Deputat ewlieni tal-Partit Nazzjonalista illi lill-Avukat Ġenerali jgħidilha li għandha tirriżenja jew li hi intimata,” qal il-Prim Ministru.
Dr Abela wieġeb għal dan billi tenna l-fiduċja sħiħa tiegħu fl-Avukat Ġenerali u fl-Uffiċċju tagħha. Kompla jgħid li din in-narrattiva kerha li qabad il-PN ħaditu lura għal kif kien fl-2017 taħt Simon Busuttil.

Il-Prim Ministru qal li fuq naħa rajna Gvern li aġixxa b’responsabbiltà u b’maturità anke fid-dawl tal-fatt li l-Qorti tat żewġ direzzjonijiet partikolari – dik li x-xhieda tidħol fl-atti ta’ żewġ inkjesti, li x-xhieda tintbagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex ikun jista’ jara jekk hemmx xi terza persuna li tkun passibbli għal proċeduri kriminali. “Intennu l-fiduċja sħiħa tagħna fl-istituzzjonijiet biecx iwettqu xogħolhom.”

Min-naħa l-oħra, Dr Abela qal li kellek Oppożizzjoni li r-reazzjoni tagħha kienet waħda totalment partiġġjana maħsuba biex tfixkel ħidmet l-Avukat Ġenerali fl-immedjat u fis-sigħat ta’ wara intensifika dan l-attakk.
Fakkar kif fl-aħħar sigħat, il-Kap tal-Oppożizzjoni esprima ruħu illi d-deċiżjoni tal-ġurati tirrifletti l-provi li kellhom quddiemhom. “Ikollok il-Kap tat-tieni l-akbar partit politiku li immedjatament jesprimi pożizzjoni fuq il-verdett. Ifisser li huwa kontra kwalunkwe appell li jista’ jressaq l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.”

Il-Prim Ministru qal li hu mhux se jkun qiegħed jesprimi fehma, naħa jew oħra u għalhekk jibqa’ jappella għall-kawtela. Barra minn hekk, huwa semma’ kif il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li kien hemm nuqqasijiet fl-investigazzjoni. “Dan meta għandek il-familja u għaqda volontarja li qed jgħidulek kemm il-Prosekuzzjoni ppreżentat każ solidu li kellu jwassal għal verdett oppost,” qal il-Prim Ministru li nnota li dawn huma dikjarazzjonijiet perikolużi ħafna.

Mistoqsi jekk il-Gvern tax direzzjoni biex isir appell, Dr Abela qal: “L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali irid iwettaq il-funzjoni ta’ bħalissa f’indipendenza u awtonomija assoluta. Jispetta lill-Prosekuturi li kienu responsabbli mill-prosekuzzjoni, lill-Avukat Ġenerali nfisha biex jieħdu dik id-deċiżjoni nfisha, u dik hi xi ħaġa li tispetta lilhom u mhux xi ħaġa li tispetta lill-Gvern.”
Dwar jekk hemmx tagħlimiet li joħorġu minn dan il-każ partikolari, il-Prim Ministru qal li: “Kieku ngħid li hemm tagħlima li trid tittieħed wara l-verdett ifisser li l-Gvern ikun reattiv mhux pro-attiv. Aħna konna pro-attivi. Ma qgħadniex nistennew il-verdett tal-Erbgħa li għadda biex nagħmlu dak ir-riformi kollha li pajjiżna kien jeħtieġ.”

Il-Prim Ministru tenna jgħid li “f’dan il-mument, l-agħar triq li wieħed li jista’ jagħżel hu li jkun reattiv għall-verdett jew jibda riforma jew diskussjoni li jkollha sinifikat indirett fuq dak il-verdett. F’dan il-mument aktar minn qatt qabel kawtela. Ma nagħmlux knee-jerk reactions, naħa jew oħra. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali iwettaq il-funzjoni li għandu f’dawn il-15-il jum tax-xogħol li mbagħad skont dik id-deċiżjoni wieħed ikun jista’ jitħaddet aktar ’il quddiem.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport