Sunday, December 22, 2024

Grech jisħaq li Franco Debono mhuwiex kwistjoni, iżda persuna validissima fil-PN

Il-Kap tal-PN iwiegħed riformi kbar fil-qasam tax-xandir nazzjonali ladarba fil-gvern

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Franco Debono mhuwiex kwistjoni. Huwa persuna validissima. Jitkellem miegħi regolari u anke jibgħatli messaġġi regolari. Anke waqt li qiegħed nagħmel ir-reshuffle, bagħtli kieku jien nagħmel hekk, hekk u hekk”.  Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attivita politika mil-lokalità tas-Siġġiewi meta mistoqsi dwar l-eks deputat Nazzjonalista Franco Debono u jekk bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista huwiex lest li jħallih jiġi introdott lura fil-partit.

Grech qal li Franco Debono huwa fil-partit, għax huwa tesserat, huwa kunsillier u diġà qiegħed jikkontribwixxi fil-partit. Huwa ċaħad l-idea li Franco jirritorna, daqslikieku huwa xi bniedem imkeċċi u filwaqt li saħaq li kulħadd irid jifhem li dan huwa l-partit tal-aħna u mhux tal-jien, b’dik l-idea huwa lest li jaħdem ma kulħadd. 

Meta mistoqsi dwar il-bidliet fil-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Istazzjon Nazzjonali, jekk il-Partit Nazzjonalista għandux fiduċja fit-tmexxija tal-PBS u jekk ikun fil-Gvern għandux il-ħsieb li jagħmel tibdiliet, Grech qal li l-PBS huwa x-xandir nazzjonali u tal-poplu u għalhekk il-mezz ta’ kif dan il-poplu sippost tasallu l-analiżi serja. Huwa qal li jemmen li dan il-gvern qiegħed iċaħħad lill-istazzjon nazzjonali mil-libertà tal-espressjoni.

“Jien qed nagħti l-kelma tiegħi li gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jagħmel riformi kbar fil-qasam tax-xandir nazzjonali”, tenna Grech.

Grech qal li Partit Nazzjonalista mmexxi minnu jrid il-verità u li jkun verament jista’ jimxi ’l quddiem. Dwar l-immigranti, Grech qal li l-Prim Ministru huwa populist għax meta tkellmu dwar is-suġġett kien qallu li Malta full-up, iżda mbagħad baqgħu deħlin f’pajjiżna aktar minn 70,000 persuna minn pajjiżi tat-tielet dinja. 

“Persuna li tkun qiegħda tegħreq f’nofs ta’ baħar hija umana u għandna nagħtuha l-għajnuna kollha”, żied jgħid Grech.  Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ċaħad li l-partiti huma l-istess u saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu politika ta’ konvinzjoni filwaqt li l-Partit Laburista jħaddan politika ta’ konvenjenza. 

Mistoqsi dwar il-futur tal-ekonomija u t-turiżmu, Grech qal li nistgħu nħarsu lejn soluzzjonijiet aktar kreattivi u mingħajr ma nivvintaw ir-rota, nistgħu nħarsu lejn kwalità ogħla biex finalment jkunu jistgħu jiġu offruti impjiegi ta’ kwalità għall-Maltin u l-Għawdxin.

Dwar ir-riforma lejn ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-droga, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li filwaqt li l-gvern għandu kull dritt li jippreżenta white paper għall-konsultazzjoni, dan għandu jagħti widen għall-pressjoni tal-pubbliku li mhuwiex jaqbel li l-ammonti preżentati huma għall-użu personali.

Hekk kif ninsabu resqin lejn tmiem ta’ presidenza, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru mhux jifhem l-urġenza li jintlaħaq ftehim.

“Nerġa’ ngħidlu. Tistenniex li se tiġi fl-aħħar xahar, timponi isem u bilfors irid ikun dak l-isem. Ftehim ma jfissirx imposżizzjoni”, saħaq Grech filwaqt li qal li l-Prim Ministru naqas milli jilqa’ l-istedina tiegħu għad-diskussjoni dwar is-suġġett għal ġimagħtejn sħaħ.

Ekonomija

Sport