Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, f’intervista li kellu bħal dejjem, ħa l-okkażjoni biex jattakka lill-Gvern fuq il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku li kellna tul il-ġimgħa però, ma rrikonoxxix il-ħidma li għaddejja sfieqa kemm mill-Gvern stess, kif ukoll mill-ħaddiema tal-Enemalta li sabu quddiemhom sitwazzjoni li hija esperjenzata wkoll f’diversi pajjiżi b’saħħithom fl-Ewropa fosthom fil-Ġermanja u aktar viċin, fl-Italja.
Filwaqt li Grech allega li l-Gvern u l-Enemalta qegħdin jigbdu dwar liema lokalitajiet se jkun affetwati mill-qtugħ ta’ dawl, huwa sostna li huwa determinat biex il-partit tiegħu flimkien mal-poplu, ipoġġu lill-PN ffil-Gvern, ħalli jindirizza u jtejjeb il-pajjiż “kif jixraqlek int”.
Barra li wiegħed ippjanar u viżjoni, affarijiet li skont huwa l-Gvern preżenti m’għandux, il-Kap tal-Oppożizzjoni ddeskriva l-problema fil-provvista tal-elettriku bħala kriżi nazzjonali meta, anke minn rapporti fil-midja barranin, ġie kkonfermat li din hija kriżi tal-Ewropa minħabba s-sħana esaġerata ta’ livelli rekord li d-dinja qiegħda tesperjenza li qiegħda twassal għal domanda eċċessiva ta’ elettriku bl-użu bla waqfien tal-arja kkondizzjonata (ACs) u fannijiet.
“L-aktar ħaġa li tinkwetani hija li l-Gvern lanqas jirrikonoxxi l-problema u mhuwiex iħoss il-polż tal-poplu. Il-Gvern għandu jantiċipa imma Robert Abela ma ħasibx u għalhekk qegħdin f’din is-sitwazzjoni. Hemm eluf li għaddejjin minn din it-tortura. Għiduli, illum il-ġurnata, tista’ tgħix ħajja ta’ kwalità mingħajr dawl?” staqsa Grech.
Hawn għal darb’oħra beda jirriklama l-partit tiegħu għall-elezzjoni ġenerali li jmiss fejn saħaq li bħala PN għandhom f’idejhom is-soluzzjonijiet kollha inkluż dak tal-għoli tal-ħajja. F’nifs Grech ammetta li hemm prezzijiet li għolew minn barra minn Malta, imma mbagħad qaleb biex jattakka persuni li skont huwa “qegħdin jabbużaw mis-sitwazzjoni u jgħollu l-prezzijiet kif iridu huma”.
Ma naqasx ukoll li jerġa’ jattakka lill-ħaddiema barranin. Għalkemm Grech qal li ħaddiema barranin dejjem se jkun hemm bżonn li jiġu, huwa sostna li dawn m’għandhomx ikunu bl-eluf, b’pagi baxxi u mhux ta’ kwalità. Hawn il-Kap tal-PN reġa’ mar lura fis-snin biex jagħti eloġju tal-ħidma tal-Oppożizzjoni meta snin ilu kienu fil-Gvern fejn qal li bis-sistemi li bdew huma stess, kienu jafu li se tikber l-ekonomija tant li bdew jinvestu fl-infrasttruttura għal sostenibbiltà.
“Iżda kulma għamel Robert Abela huwa li ġab l-eluf ta’ barranin f’pajjiżna. Il-ħaddiema għandna bżonnhom imma b’dan il-mudell ekonomiku se jkompli jikkollassa kollox. Mhux inkomplu nġibu l-eluf biċ-cheap labour. Aħna nafu mod ieħor. Bil-mudell ekonomiku tagħna ħa mmur għall-valur u l-kwalità fejn nattiraw ħaddiema bil-pagi għoljin. Żgur li se jkun hemm bżonn ta’ ħaddiema minn barra l-pajjiż u għandna lista ta’ setturi. Aħna determinati li l-ekonomija tant se timxi ‘l quddiem u l-paga se tiżdied li din se tibda sservik u anke tkun tista’ taħseb għal għada. Aħna konvinti li nistgħu naslu”.
Huwa temm jgħid li ladarba fil-Gvern, il-PN se jippremja lill-bieżel u l-ħila tal-ħaddiema, kif ukoll se jkompli jinvesti fis-saħħa, fit-tfal u ż-żgħażagħ, fl-ambjent u aktar minnhekk, fl-infrastruttura.