
Ġurnata mimlija kompetizzjoni għal Team Malta fil-Logħob tal-Mediterran, b’atleti jikkompetu fl-atletika, fit-tennis u u l-ibburdjar. Il-ġurnata ġabet magħha taħlita ta’ kisbiet personali, telf ta’medalja bi ftit fit-tennis wara konfront missielta, u kundizzjonijiet diffiċli fuq il-baħar, hekk kif il-kontinġent sportiv Malti jkompli bl-impenji tiegħu f’Taranto.
Tennis
Alex De Gabriele u Liam Delicata taw wirja mimlija determinazzjoni fil-partita għall-Midalja tal-Bronż fil-Men’s Doubles, iżda tilfu bi ftit iċ-ċans li jitilgħu fuq il-podju wara telfa ta’ 2–1 kontra ċ-Ċiprijotti Melios Efstathiou u Eleftherios Neos.
Il-koppja Maltija bdiet tajjeb ħafna, u rebħet l-ewwel set 6–3, iżda Ċipru ġab id-draw fit-tieni set bl-istess skor ta’ 6–3. Il-partita kellha għalhekk tiġi deċiża permezz ta’ match tiebreak, fejn Ċipru rebaħ 10–6 biex kiseb il-midalja tal-bronż.
Atletika
Jeremy Zammit ikkompeta fil-long jump, fejn irreġistra l-aħjar riżultat tiegħu tal-istaġun b’qabża ta’ 7.61m.
Claire Azzopardi u Graham Pellegrini kkompetew fil-heats tal-100m, fejn irreġistraw ħinijiet ta’ 12:40 u 11:05 rispettivament. Huma jerġgħu jidħlu fl-azzjoni nhar it-Tlieta 1 ta’ Settembru, meta jikkompetu fil-heats tal-200m.
Jared Micallef ikkompeta fil-heats tat-800m, fejn spiċċa fis-sitt post fil-heat tiegħu b’ħin ta’ 1:48:06.
Ibburdjar
Kienet ġurnata diffiċli fuq il-baħar għall-baħħara Maltin, bi żbalji li affetwaw ir-riżultat tal-ġurnata u li wasslu għal penalitajiet għaż-żewġ kompetituri. It-tiġrijiet kienu ferm bilanċjati, bi ftit li xejn jifred lill-kompetituri minn ta’ quddiem sa dawk ta’ wara fil-flotta. It-tiġrijiet ikomplu għada, it-Tnejn 31 ta’ Awwissu, bis-seba’ u t-tmien tiġrija kemm fil-klassi ILCA 6 u l-ILCA 7.
It-Tnejn 31 ta’ Awwissu se jġib miegħu aktar azzjoni għal Team Malta, b’Mark Schembri jikkompeti fil-heats tas-single sculls tal-irġiel, filwaqt li fl-atletika Matthew Galea Soler se jikkompeti fil-heats tal-400m.



