It-triatleta Malti Graham Borg kompla jikkonferma l-forma tajba li jinsab fiha hekk kif kiseb rebħa oħra fil-kategorija Masters 2 fit-Triathlon dei 2 Mari, li sar f’Reggio Calabria.
B’din ir-rebħa, Borg issa għandu ħames rebħiet minn ħames tiġrijiet fil-kategorija tal-età tiegħu fis-serje tal-FiTri matul dan l-istaġun. Fl-istess tellieqa, Borg spiċċa fit-13-il post ġenerali minn total ta’ 108 atleta fit-tellieqa fuq distanza sprint.
Borg kellu prestazzjoni konsistenti fit-tliet dixxiplini. Huwa temm is-sezzjoni tal-għawm, li kienet kemxejn itwal mid-distanza standard, fi 13-il minuta, segwita minn 20 kilometru fuq ir-rota li temmhom fi 31 minuta. Fl-aħħar fażi, Borg temm il-5 kilometri tal-ġirja f’19-il minuta u 20 sekonda.
Il-prestazzjoni tiegħu kienet biżżejjed biex jagħtih l-ewwel post fil-kategorija Masters 2, b’Borg jispiċċa ħames minuti qabel l-eqreb kompetitur tiegħu fil-kategorija.
Ir-rebħa f’Reggio Calabria tasal ġimagħtejn biss qabel l-impenn internazzjonali li jmiss ta’ Borg. F’Settembru, huwa mistenni jikkompeti fis-Serbia fuq id-distanza IRONMAN 70.3, f’tellieqa li se tipprovdilu sfida oħra importanti fuq livell internazzjonali.




