Rev. Brother Carmelo Muscat SDB kien ilu iktar minn 72 sena missjunarju Sależjan ta’ Dun Bosco fl-Indja 

… kien l-aħħar missjunarju Ewropej

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ħalliena għal ħajja ta’ dejjem, Rev. Brother Carmelo Muscat SDB fl-età ta’ 87 sena wara li kien ilu iktar minn 72 sena missjunarju Sależjan ta’ Dun Bosco ġewwa Shillong fl-Indja. 

Dan is-sit tkellem mal-familjari ta’ Muscat, fejn irrimarkaw li kollox beda fl-età zgħira u tenera ta’ 14 -il sena, fejn huwa kien  iservi bħala abbatin fil-Bażilika tal-Mosta. 

Hemmhekk huwa kien iltaqa’ ma’ qassis Għawdxi, Dun Karm li kien għadu ġej mill-missjoni fl-Indja. Dan il-qassis kien ta’ inspirazzjoni għal Brother Carmelo, tant li huwa wera x-xewqa immedjatament li jixtieq isegwi l-passi ta’ Dun Karm. 

Kien xokk kbir għal familja ta’ Brother Carmelo Muscat, meta saru jafu bix-xewqa tat-tifel f’tant età bikrija, iżda d-determinazzjoni tiegħu ffjorixxiet għal bidu tal-vjaġġ sabiħ ġewwa l-Indja.

Ta’ min wieħed jgħid, li 72 sena ilu ma’ kinitx xi ħaġa faċli li wieħed jaqbad ħwejġu u jinfired minn mal-familja biex immur f’post tant ‘il bogħod fejn ma’ jafx x’se jsib.

Mar f’post mimli faqar, fejn il-kultura kienet ferm differenti minn tagħna l-Maltin. L-ewwel problema li affaċċja Brother Carmelo kienet il-lingwa, fejn sab diffikultà biex jikkomunika iżda dan il-vjaġġ qatt ma’ qatalu qalbu. Ostaklu ieħor li affaċja kien it-tip ta’ ikel, iżda tant kien determinat li kien lest li jagħmel sagrifiċċju. 

L-ewwel xogħol li kien beda ġewwa l-Indja, kien dak ta’ mastrudaxxa, fejn beda jgħallem din is-sengħa lil dawn in-nies. Hemmhekk huwa kompla javvanza, fejn saħansitra sar surmast ta’ skola u ħadem għal diversi snin fuq l-edukazzjoni. Huwa kien jinsisti li minkejja l-faqar kbira li kien hemm fil-pajjiż, kull student kien ħaqqu li jirċievi edukazzjoni xierqa u ugwali. 

L-età kienet biss numru għalih, hekk kif wara għadd ta’ snin fl-irwol ta’ surmast, huwa kien qiegħed imexxi stamperija, fejn baqa’ għaddej sakemm saħħtu ppermettietlu. 

Waqt din l-intervista mal-familjari ta’ Brother Carmelo, huma rrakkontawlna kif minn ta’ 14 -il sena ġie lura Malta għal vaganza, meta kellu 24 sena. Huwa kien għamilha ċara mal-familjari tiegħu li l-Indja saret parti minn qalbu u li l-familja tiegħu tinsab hemm. Dan filwaqt, li Malta kien jiġi biss għal vaganza biex iqatta’ ftit jiem biex igawdi l-għeżież tiegħu.

Xi ħaġa li għaliha Brother Carmelo Muscat se jibqa’ imfakkar, hija kemm kien maħbub min-nies tal-komunità Indjana. Il-missjoni għalih kienet ħajtu, tant li wera x-xewqa li jindifen ukoll f’dan il-pajjiż. 

Waqt din l-intervista, stajna ninnutaw li l-familjari ta’ muscat kienu emozzjonati, hekk kif mhija faċli xejn li jkollok qarib wasal fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu u ma’ tkunx hemm preżenti ħdejh. Kien hawn, fejn semmew li hemmhekk huwa ma’ kien jonqsu xejn hekk kif ħadu ħafna ħsiebu u għamlu dak kollu li setgħu, saħansitra kien anke fil-kura intensiva tal-Indja. 

Ma’ dan il-ġurnal, il-familjari xtaqu jwasslu r-ringrazzjament tagħhom lir-Rettur Fr. Stephen Sagi u liż-żagħżugħ Willbirth Maring li kienu miegħu f’kull mument diffiċli fl-aħħar ħinijiet 

Brother Carmelo Muscat qiegħed espost għal qima tal-pubbliku ġewwa l-Provinċja Sależjana ta’ San Ġwann Pawlu II, f’Shillong u se jkun qiegħed jingħata l-aħħar tislima llum it-Tnejn 31 ta’ Awwissu. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport