Thursday, May 14, 2026

ĠUSTIZZJA AKTAR MODERNA, AKTAR EFFIĊJENTI U AKTAR VIĊIN IĊ-ĊITTADIN

Aqra wkoll

Matul din il-leġiżlatura tħalliet marka ċara fil-qasam tal-ġustizzja permezz ta’ riformi li mhux biss modernizzaw is-sistema legali ta’ pajjiżna, iżda wkoll saħħew il-protezzjoni taċ-ċittadini u tejbu l-aċċess għall-ġustizzja.

Malta rat tmexxija li għażlet li taġixxi b’serjetà u b’viżjoni fit-tul. F’pajjiżna, il-qasam tal-Ġustizzja mexa ’l quddiem b’ritmu qawwi ta’ riformi li indirizzaw kemm il-ħtiġijiet tas-soċjetà moderna kif ukoll il-bżonn li l-istituzzjonijiet tagħna jkunu aktar effiċjenti u kredibbli.

Waħda mill-aktar riformi sinifikanti kienet l-introduzzjoni tal-liġi tal-femiċidju, li poġġiet lil Malta fost l-ewwel pajjiżi Ewropej li għarfet dan ir-reat fil-liġi kriminali tagħha. Din kienet riforma importanti favur il-protezzjoni tan-nisa u messaġġ ċar kontra kull forma ta’ vjolenza domestika u abbuż.

Fl-istess waqt, ġew introdotti tibdiliet importanti fil-liġijiet tal-bail, arrest u detenzjoni, kif ukoll miżuri ġodda bħall-electronic bail, biex is-sistema ssir aktar effettiva filwaqt li jinżamm il-bilanċ bejn id-drittijiet tal-individwu u l-protezzjoni tas-soċjetà.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni mexa wkoll b’pass sod biex jindirizza realtajiet ġodda li qed jinħolqu fid-dinja diġitali. Għall-ewwel darba ddaħħlu reati speċifiċi kontra cyberbullying u cyberstalking, partikolarment biex jiġu protetti tfal u persuni vulnerabbli minn abbużi online li dejjem qed jiżdiedu.

Importanti wkoll kienet il-ħidma favur aktar ġustizzja soċjali. L-ewwel fażi tar-riforma tal-Qorti tal-Familja introduċiet sistema aktar sensittiva u effiċjenti għall-familji li jkunu għaddejjin minn separazzjoni jew tilwim familjari fost affarijiet oħrajn. Flimkien ma’ dan, it-tisħiħ tal-liġijiet dwar il-pensjonijiet f’każijiet ta’ separazzjoni kompla jagħti aktar serħan il-moħħ lil dawk milquta minn dawn iċ-ċirkostanzi.

Il-Ministru Jonathan Attard mexxa wkoll riformi importanti favur aktar trasparenza u kontabbiltà fil-ħajja pubblika. It-tisħiħ tal-liġi tal-Kummissarju tal-Istandards u l-emendi għall-Kodiċi tal-Etika Parlamentari kienu sinjal ċar ta’ impenn favur istituzzjonijiet aktar b’saħħithom u governanza aktar serja.

Madankollu, riformi ma jkunux biżżejjed mingħajr investiment fin-nies. Għalhekk, wieħed mill-akbar kisbiet ta’ dawn l-aħħar snin kien l-investiment bla preċedent fir-riżorsi umani tal-qasam tal-ġustizzja. Il-ġudikatura rat l-akbar żieda fl-istorja ta’ Malta, filwaqt li ġew estiżi s-servizzi tal-għajnuna legali biex aktar nies ikollhom aċċess għal assistenza professjonali u effiċjenti.

Sar ukoll investiment ċar fit-tfal u fil-vittmi vulnerabbli, bl-għadd ta’ Avukati tat-Tfal jiżdied sostanzjalment u b’aktar protezzjoni legali għall-minuri vittmi ta’ abbuż sesswali u sfruttament.

Pass storiku ieħor kien il-ħatra tal-ewwel Kummissarju għall-Istandards fil-Ġudikatura, inizjattiva li kompliet issaħħaħ il-fiduċja pubblika fis-sistema ġudizzjarja.

Il-ħidma ma waqfitx hemm. Sar investiment fl-infrastruttura tal-ġustizzja. L-awla ġdida tal-ġurijiet wasslet għal rekord ta’ ġurijiet matul l-2025, liema rekord mistenni jinqabeż matul din is-sena b’numru akbar ta’ ġurijiet skedati. Ġiet inawgurata awla addizzjonali fil-Qorti tal-Familja, uffiċini ġodda fil-Qorti u modernizzazzjoni tas-servizzi permezz ta’ sistemi diġitali ġodda. Dan kollu kellu għan wieħed: ġustizzja aktar aċċessibbli, aktar moderna u aktar qrib iċ-ċittadin.

Fost l-aktar riformi importanti kien hemm ukoll dik tal-inkjesti maġisterjali li ħolqot korp speċjalizzat ta’ Maġistrati, introduċiet aktar drittijiet għall-vittmi u sistema ta’ kontabbiltà tal-esperti. Twettqet ħidma favur Qorti Kummerċjali speċjalizzata, sabiex il-proċessi legali jsiru aktar effiċjenti u adattati għar-realtajiet ekonomiċi u soċjali tal-lum.

Dawn il-miżuri kollha juru viżjoni ċara ta’ kif għandha tkun il-ġustizzja f’pajjiż modern: sistema li tipproteġi, li tagħti opportunitajiet ġodda fejn possibbli, li taħdem b’effiċjenza u li tqiegħed lill-bniedem fiċ-ċentru tagħha.

Il-qasam tal-ġustizzja mhux biss għandu bżonn liġijiet b’saħħithom, iżda wkoll tmexxija li tkun kapaċi twettaqhom. U tul dawn is-snin, Jonathan Attard wera proprju dan, impenn kontinwu favur ġustizzja aktar moderna, aktar effettiva u aktar ġusta għaċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport