Thursday, May 14, 2026

Miżuri ġodda biex jissaħħu s-servizzi tas-saħħa u jitjieb l-aċċess għall-mediċini

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar numru ta’ miżuri ġodda biex ikomplu jittejbu s-servizzi tas-saħħa, l-aċċess għat-trattamenti u l-kwalità tal-kura offruta lill-pazjenti. Dr Abela sostna li dan huwa pass ibbażat fuq evidenza klinika u jkompli jsaħħaħ l-investiment tal-Gvern f’servizzi moderni u effettivi.

Semma kif il-mediċina Sertraline, b’investiment ta’ €500,000 fis-sena, ġiet inkluża fil-Formularju tal-Gvern. Dr Abela qal kif 3,700 pazjent ħa jkunu qed jibbenefikaw minn din il-miżura.

Dr Abela qal kif fil-qasam tal-Venous Thromboembolism (VTE), il-Gvern se jestendi l-aċċess għal mediċina Rivaroxaban, antikoagulant magħruf bħala DOAC. Din il-mediċina se tkun disponibbli kemm għat-trattament kif ukoll għall-prevenzjoni tal-VTE, skont il-ħtieġa klinika tal-pazjent. L-eliġibbiltà mhux se tibqa’ limitata għal kundizzjonijiet speċifiċi iżda se tkun ibbażata fuq ir-riskju kliniku, b’aktar minn 2,300 pazjent mistennija jibbenefikaw, u b’investiment ta’ €400,000 fis-sena.

Ħabbar ukoll li issa l-Formularju tal-Gvern se jinkludi lista ta’ 32 mediċini ġodda għall-kura paljattiva, b’investiment ta’ €2 miljun fis-sena. Dan sabiex il-pazjenti jingħataw kura aktar personalizzata u effettiva.

Dr Abela qal kif ser tidħol fis-seħħ l-inklużjoni tal-mediċina 5-ALA (5-amino levulonic acid) li tintuża waqt operazzjonijiet fuq tumuri tal-moħħ biex tgħin lill-kirurgi jneħħu t-tumur b’aktar preċiżjoni. Madwar 50 pazjent fis-sena huma mistennija jibbenefikaw minn din il-miżura.

Il-Ministru Abela ħabbar ukoll roħs fuq 70 mediċina differenti permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tal-Mediċini (MMA) u distributuri farmaċewtiċi, b’tnaqqis fil-prezz ta’ dawn il-prodotti li jilħaq sa 70%. Dawn jinkludu trattamenti għall-epilessija, dijabete, kolesterol u ansjetà. Fakkar, kif barra minn hekk, bl-istess kollaborazzjoni bejn il-partijiet, 48 mediċina oħra żammew prezzijiet ridotti stabbli sa mill-2021.

“Qed inkomplu nżidu aktar mediċini ġodda fil-formularju. Bħala Gvern inkomplu nisħqu fuq aċċess miftuħ għal mediċini ġeneriċi ġodda biex aktar pazjenti jirċievu trattament ta’ kwalità bi prezzijiet aktar affordabbli. Dawn il-miżuri jirriflettu l-impenn kontinwu sabiex il-pazjent jibqa’ fiċ-ċentru tas-servizz tas-saħħa, filwaqt li jitkompla l-investiment f’kura aktar innovattiva, aċċessibbli u sostenibbli,” temm jgħid Dr Abela.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport