Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi llum ħabbar investiment ieħor b’saħħtu fit-trasport pubbliku bħala parti mill-viżjoni fit-tul “Malta in Motion”, bil-għan li jkompli jittrasforma s-sistema tal-mobilità f’pajjiżna f’waħda aktar moderna, sostenibbli u effiċjenti.
Permezz ta’ investiment ta’ €14-il miljun, il-Malta Public Transport ser iżżid 40 vettura elettrika ġdida mal-flotta tagħha, pass importanti ieħor lejn trasport pubbliku aktar nadif u teknoloġikament avvanzat. Dan l-investiment ser iwassal biex eventwalment, il-flotta elettrika ta’ Tallinja b’aktar minn tirdoppja, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-mira tal-Gvern sabiex Għawdex ikollu flotta tat-trasport pubbliku kompletament elettrika.
Dan il-proġett jifforma parti minn ħidma usa’ taħt il-pjan Malta in Motion, li qed imexxi trasformazzjoni komprensiva fis-settur tal-mobilità permezz ta’ investiment kontinwu fit-trasport pubbliku, infrastruttura aktar moderna, teknoloġiji innovattivi u soluzzjonijiet sostenibbli li jtejbu l-esperjenza taċ-ċittadini u jnaqqsu l-impatt ambjentali.
Flimkien ma’ dan l-investiment, tħabbar ukoll proġett pilota ta’ autonomous electric shuttle. Dan il-proġett pilota, qed jitwettaq permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Malta Public Transport u l-Università ta’ Malta, bil-kofinanzjament tal-Unjoni Ewropea taħt il-proġett metaCCAZE fil-programm Horizon Europe.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, qal li dan l-investiment juri l-pjan Malta in Motion fil-prattika. “Dan mhux pjan jew preżentazzjoni fuq il-karta, iżda viżjoni li qed tinbena pass pass, investiment wara investiment. Wara li l-ġimgħa l-oħra nedejna servizz ġdid ta’ Tallinja bil-baħar, illum qed nibagħtu messaġġ ieħor ċar dwar id-direzzjoni li qed jieħu pajjiżna, direzzjoni lejn mobilità aktar nadifa, aktar moderna u aktar sostenibbli,” qal il-Ministru Bonett. Huwa spjega wkoll li l-investiment ser ikompli jsaħħaħ il-ħidma li għaddejja biex is-servizz tat-trasport pubbliku jibqa’ jadatta għall-ħtiġijiet moderni tal-pajjiż. Fil-fatt, minn nhar il-Ħadd li ġej ser jidħlu fis-seħħ numru ta’ rotot ġodda, estensjonijiet ta’ rotot eżistenti u żieda fil-frekwenza ta’ servizzi popolari, sabiex aktar nies ikollhom aċċess għal trasport pubbliku aktar effiċjenti u konvenjenti.
Iċ-Chairman tal-Malta Public Transport, Felipe Cosmen, qal “Illum ninsabu kburin għaliex dak li qed nippreżentaw mhuwiex biss l-introduzzjoni ta’ buses ġodda, iżda pass ieħor fi vjaġġ twil ta’ modernizzazzjoni tat-trasport pubbliku f’Malta u ta’ titjib fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies li jiddependu fuqu. Fl-2015, meta l-Grupp tagħna ħa r-responsabbiltà tas-servizz tat-trasport pubbliku ta’ Malta, għamilna dan b’għan ċar u sempliċi: li ninvestu, nimmodernizzaw u ntejbu kontinwament. Sa mill-bidu nett fhimna li t-trasport pubbliku mhuwiex biss servizz, iżda parti mir-ritmu ta’ kuljum tal-pajjiż u kontributur ewlieni għall-ġid soċjali, ekonomiku u ambjentali.”
Nota: Aktar informazzjoni dwar il-proġett tal-autonomous bus tinsab hawn taħt
Karozza tal-linja li taħdem b’mod awtonomu waslet f’Malta biex jingħata bidu għal fażi ta’ ttestjar strutturat għal perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur. Il-vettura se tkun ittestjata fuq rotot f’Malta u Għawdex bħala parti minn proġett pilota mmexxi lokalment minn Malta Public Transport, il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Università ta’ Malta bħala parti mill-proġett metaCCAZE. Dan il-proġett għandu l-għan li jesplora l-futur tal-mobilità intelliġenti u awtonoma f’pajjiżna.
Il-proġett pilota se jevalwa l-prestazzjoni tal-karozza tal-linja awtonoma fuq rotot magħżula bir-reqqa u approvati minn qabel, mix-xahar id-dieħel. Il-vettura, li tista’ ġġorr sa 15-il persuna, se tibda topera permezz ta’ provi kkontrollati, qabel ma tibda tintuża b’mod uffiċjali għall-użu tal-pubbliku.
Is-sigurtà hija element ċentrali tal-proġett pilota. Operatur tas-sigurtà mħarreġ se jkun abbord kontinwament matul it-testijiet, u se jkun jista’ jieħu kontroll immedjat kull meta jkun meħtieġ. Il-provi qed isiru skont proċess ta’ sigurtà u awtorizzazzjoni skont qafas regolatorju b’saħħtu ġdid ppubblikat minn Transport Malta. Monitoraġġ kontinwu u ġbir ta’ dejta se jippermetti l-evalwazzjoni tas-sistema u tal-prestazzjoni tas-servizz.
Il-proġett pilota f’Għawdex u Malta huwa parti mill-proġett metaCCAZE, ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-programm Horizon Europe. metaCCAZE għandu l-għan li jwettaq rivoluzzjoni fil-mobilità fl-ibliet Ewropej, għall-benefiċċju kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija, b’soluzzjonijiet elettriċi, awtomatizzati u innovattivi li għandhom l-għan li jwasslu għal trasport aktar effiċjenti, modern u nadif. Proġetti innovattivi oħra tnedew f’disa’ bliet Ewropej oħra fosthom f’Tampere fil-Finlandja u Amsterdam fl-Olanda.


