Ġuvni ta’ 16-il sena kien arrestat mill-Pulizija b’rabta ma’ investigazzjoni dwar allegat traffikar tad-droga. Huwa twaqqaf wara li l-Pulizija nnutatu jsuq vettura u wara li pparkja, niżel minnha u telaq bil-mixi. Hekk kif ġie avviċinat mill-Pulizija, huwa pprova jaħrab, iżda ġie arrestat mill-ewwel.
Minn tfittxija li saret fuqu u fil-karozza, ġew elevati 12-il qartas b’sustanza allegatament kannabis, grinder bi traċċi allegatament ta’ aktar kannabis, 5 qartas b’sustanza allegatament kokaina, kif ukoll madwar €700 fi flus kontanti. Wara saret tfittxija fir-residenza fejn jgħix u minn hemm il-pulizija sabu aktar sustanza suspettata kokaina, miżien elettroniku bi traċċi ta’ sustanza illeċita u numru ta’ boroż żgħar.
Huwa qed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tal-11:30 a.m., quddiem il-Maġistrat Dr Ann Marie Thake LL.D.
