Delegazzjoni Parlamentari Maltija b’sehem attiv waqt Konferenza tal-Commonwealth

Aqra wkoll

Delegazzjoni Parlamentari Maltija mmexxija mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Carmelo Abela temmet il-parteċipazzjoni tagħha fid-69 Konferenza Parlamentari tal-Commonwealth (CPA), li ġabet flimkien parlamentari u uffiċjali oħra minn madwar il-Commonwealth f’Cape Town, l-Afrika t’Isfel. 

Id-delegazzjoni Maltija ħadet sehem b’mod attiv fosthom waqt it-42 Konferenza tal-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth għall-Fergħat iż-Żgħar, l-10 Konferenza Parlamentari tan-Nisa tal-Commonwealth, fil-programm usa’ tas-CPC u f’workshops u avvenimenti oħra. 

F’avveniment li sar l-Erbgħa li għadda dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċess demokratiku ġiet diskussa l-importanza li jiġi żgurat li l-ġenerazzjonijiet iżgħar ikollhom opportunitajiet sinifikanti biex jipparteċipaw fil-ħajja demokratika.

Il-Membru Parlamentari Ian Vassallo tkellem dwar kif pajjiżi oħra jistgħu jsegwu numru ta’ prattiċi tajbin li ġew adottati f’Malta, inkluż l-attiviżmu fl-iskejjel, il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ, il-Vot 16 u l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. 

Min-naħa tagħha, il-Membru Parlamentari Fleur Abela rreferiet għall-Forum taż-Żgħażagħ fejn huma ż-żgħażagħ infushom li jwasslu l-ideat tagħhom dirett lill-Prim Ministru u lill-Kabinett dwar materji ta’ importanza nazzjonali. 

Fid-diskussjoni li saret fl-Assemblea Ġenerali tas-CPA, l-Ispeaker Carmelo Abela semma l-klima politika internazzjonali u fid-deterjorjament tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi fost oħrajn. Waqt li rrikonoxxa li l-isfidi madwar il-Commonwealth jistgħu jimmanifestaw ruħhom b’modi differenti, l-Ispeaker Abela sostna li l-pajjiżi kollha għandhom jaħdmu flimkien biex jassiguraw li l-istituzzjonijiet demokratiċi jibqgħu rilevanti, b’saħħithom u jkun jixirqilhom il-fiduċja tal-poplu li jservu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport