Friday, December 27, 2024

“Gvern li ħadem biex isolvi din l-anomalija u r-rieda tal-poplu tissarraf f’realtà” – is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli

Diskuss l-Abbozz li jippermetti żgħażagħ ta’ 16 jew 17-il sena jokkupaw ir-rwol ta’ Sindku jew Viċi Sindku

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Parlament beda jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Gvern Lokali li se jippermetti li żagħżagħ ta’ 16 jew 17-il sena li jiġu eletti bħala Kunsilliera jkunu jistgħu jokkupaw il-kariga ta’ Sindku jew Viċi Sindku.

Fl-intervent tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li b’dan l-abbozz, il-Gvern qed jibni fuq ir-riformi tal-Vot16 u l-emendi fil-liġi tas-sena 2019. Fakkret li kien Gvern Laburista li daħħal il-Vot16, li ta d-dritt liż-żgħażagħ jikkandidaw ruħhom fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u li tahom id-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet ġenerali.

Hija żiedet tinnota li fl-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, kien hemm bosta żgħażagħ li resqu ‘l quddiem u li ħassew li kellhom x’joffru u li riedu jagħtu servizz lill-belt jew raħal tagħhom. Il-poplu ma injorax dan l-entużjażmu. Ħafna miż-żgħażagħ li kkandidaw ruħhom ġew eletti u llum għandhom esperjenza ta’ aktar minn 4 snin ta’ ħidma u servizz fil-lokalità tagħhom u kif ukoll esperjenza fil-politika lokali.

Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli fakkret li kien hemm żewġ żgħażagħ taħt it-18-il sena li fl-aħħar elezzjoni ġew eletti fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom iżda l-espressjoni demokratika u r-rieda tal-poplu kellha tiġi injorata. “Ir-rieda tal-poplu ma setgħetx tissarraf f’realtà għax il-liġi sal-lum tistipula li minkejja li l-fiduċja li jistgħu jagħtu n-nies ladarba l-persuna eletta m’għandhiex 18-il sena jew aktar din ma tistax tokkupa kariga ta’ Sindku jew Viċi Sindku,” hija kompliet tgħid filwaqt li sellmet lil Abraham Aquilina mill-Għargħur u lil Carlos Zarb minn San Pawl il-Baħar.

Zerafa Civelli qalet li dan il-Gvern ħadem biex isolvi din l-anomalija u r-rieda tal-poplu tissarraf f’realtà. Fuq kollox din hi wegħda elettorali li l-poplu vvota għaliha u allura l-poplu qed jistenna li din titwettaq. Fakkret kif malli għalaq 18-il sena Carlos Zarb seta’ jokkupa l-kariga li l-poplu għażlu għaliha, ta’ Viċi Sindku, għax kien hemm Kunsillier ieħor Laburista li kien qed jokkupa din il-kariga iżda b’etika ċedielu postu.

Min-naħa l-oħra, hija staqsiet għaliex il-Partit Nazzjonalista ma mexiex bl-istess mod fil-każ ta’ Abraham Aquilina. “Għaliex il-PN ma ħalliex f’idejn l-elettorat? Kif jista’ qatt jiġi issa l-PN u jgħid li għandu l-fiduċja fiż-żgħażagħ meta kien hu stess li ċaħħad lil żagħżugħ milli jokkupa l-kariga li l-poplu għażlu għaliha?”.

Għalhekk, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli tenniet li l-bidla kif proposta turi fiduċja fiż-żgħażagħ u li d-diversità u l-ideat differenti jagħmlu komunitajiet b’saħħithom.

“Mad-dritt li wieħed jidħol għal din il-kariga hemm ir-responsabbiltà”

-Darren Carabott

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott irrimarka li filwaqt li l-Oppożizzjoni taqbel fil-prinċipju ma’ din il-proposta, hemm kwistjoni dwar l-anomalija legali li trid tiġi indirizzata. Qal li jekk persuna tiftaħ kawża kontra l-Kunsill, ir-rappreżentazzjoni ġuridika u legali se tkun tas-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv. Però fl-istess ħin, kompla jgħid l-Onor. Carabott, jekk il-persuna tkun qed tiġi mfittxa b’mod personali hemm għandek problema għax ir-responsabbiltà f’dak il-każ se jidħlu għaliha l-ġenituri għax ikun għadu minuri f’dak il-każ.

“Dawn huma l-anomaliji legali u nixtiequ naraw li jkollna soluzzjoni għalihom. Filwaqt li qed ngħidu persuna ta’ 16 jew 17-il sena jista’ jieħu azzjoni bħala Sindku, però fil-vesti tiegħu personali għadu minuri. Hemm toħroġ l-anomalija. Hemm bżonn wieħed jara li mad-dritt li wieħed jidħol għal din il-kariga hemm ir-responsabbiltà. Ejja mhux biss nitkellmu dwar drittijiet imma dwar l-obbligi tal-persuna,” qal l-Onor. Carabott.

Ekonomija

Sport