Sunday, December 22, 2024

Ħaddiema barranin fil-kura tas-saħħa jingħataw taħriġ fil-lingwa Maltija

- Iffirmar ta’ ftehim bejn MTRM u Healthmark

Aqra wkoll

Mitejn infermier u carers barranin bdew jirċievu lezzjonijiet tal-Malti bħala parti minn programm iffirmat bejn Melita Training and Resources Management u Healthmark.

It-taħriġ ikopri kliem u frażijiet Maltin relatati mal-kura tal-pazjenti, l-iġjene, l-ewwel għajnuna u s-sapport emozzjonali, b’enfasi speċjali fuq l-empatija. Il-programm jinkludi diversi sessjonijiet prattiċi f’ambjenti simulati u qed jitwassal minn infermier kwalifikat li huwa għalliem bi professjoni.

MTRM hija kumpanija privata fi ħdan il-GWU, liċenzjata u akkreditata għat-taħriġ mill- Malta Further and Higher Education Authority (MFHEA). Il-missjoni tagħha hija li tipprovdi lill-adulti b’opportunitajiet edukattivi biex jiksbu u jtejbu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex ikunu jistgħu jaħdmu u jsiru awtosuffiċjenti.

Healthmark hija kumpanija ewlenija Maltija li tirrekluta, tħarreġ u tħaddem carers u infermiera f’diversi sptarijiet u djar tal-anzjani ta’ Malta. Hekk kif qed jiżdiedu l-ħaddiema barranin, il-kumpanija fehmet il-ħtieġa li tinvesti biex iżżid il-livell tal-Malti mitkellem permezz ta’ programmi akkreditati.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MTRM Lewis Spiteri qal: “L-għan tagħna huwa li ntejbu l-kura tal-pazjenti billi nipprovdu taħriġ komprensiv għal dawk li jieħdu ħsiebhom. Dan il-programm diġà qed jagħmel impatt sinifikanti fuq is-servizzi tal-kura tas-saħħa fil-komunità tagħna. Aħna grati lejn il-maniġment ta’ Healthmark għall-ftehim u l-appoġġ professjonali tagħhom biex dan il-programm jitwettaq.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Healthmark Charlotte Sant Portanier qalet: “Qed naħdmu kontinwament biex intejbu l-kwalità tal-kura li nipprovdu. Minn naħa waħda, dan ifisser li niżguraw li jkollna biżżejjed ħaddiema biex nilħqu t-talbiet dejjem jikbru tal-popolazzjoni tagħna għall-kura tas-saħħa. Iżda flimkien ma’ dan irridu niżguraw li kull ħaddiem mhux biss ikun kwalifikat iżda wkoll sensittiv għall-ambjent lokali tagħna u l-ħtiġijiet tal-pazjenti tagħna.”

Ekonomija

Sport