Fl-aħħar sentejn, kien hemm xejn inqas minn 84% tal-istabbilimenti tal-catering li investew fin-negozju tagħhom. Minn dawn, 70% għażlu li jinvestu minn buthom stess.
Dan ħareġ ċar minn studju li sar mill-kumpanija PwC għall-ewwel tliet xhur tas-sena, li kellu l-għan li jesplora l-attivitajiet riċenti f’dak li huwa investiment, għarfien u teħid ta’ skemi ta’ fondi Ewropej kif ukoll aċċess mill-banek għall-finanzjament ta’ diversi stabbilimenti tal-catering fil-gżejjer Maltin. Dan l-istħarriġ kien ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering.
Punt rilevanti li ħareġ mill-istudju huwa li l-parti l-kbira tal-operaturi f’dan is-settur mhumiex konxji biżżejjed u mgħarrfa dwar skemi ta’ aċċess għall-fondi Ewropej. Tant li 59% indikaw li ma tantx huma familjari ma’ skemi ta’ finanzjament Ewropew. Madankollu, dawk li huma familjari wrew atteġġjament u fehmiet pożittivi dwar il-fondi Ewropej.
Mill-istħarriġ ħareġ ukoll li l-maġġoranza tal-istabbilimenti tal-catering ma kinux applikaw għal skemi ta’ fondi Ewropej matul l-aħħar 24 xahar. Minn dawn kien hemm 79% filwaqt li kien hemm numru iżgħar li applikaw mingħajr suċċess.
Dawk intervistati saħqu li l-ħtiġijiet għall-appoġġ għandhom ikunu ffukati fuq gwida prattika u sempliċi kif ukoll taħriġ biex jgħinhom jaċċessaw fondi Ewropej.
Minkejja n-nuqqas ta’ għarfien dwar l-aċċess għall-fondi Ewropej, 81% qalu li lestu jikkunsidraw l-użu ta’ dawn il-fondi fi proġetti futuri. Mill-aspett lokali, kienu biss 15% tal-istabbilimenti tal-catering li pprovaw jaċċessaw finanzjamenti mill-banek lokali f’dawn l-aħħar 24 xahar.
Dan l-istħarriġ sar fost 233 operaturi tal-istabbilimenti tal-catering li huma membri tal-ACE. Qabel ma ġew diskussi s-sejbiet ta’ dan l-istħarriġ sar intervent mill-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela li qal li l-istrateġija nazzjonali għat-turiżmu hi waħda ċara u filwaqt li n-numri ta’ kemm jiġu f’pajjiżna turisti huma importanti, b’danakollu l-bażi trid tibqa tkun iffukata fuq il-kwalita.
Il-Ministru Abela fl-intervent tiegħu qal li kwalita trid tibqa fil-qalba tat-turiżmu f’pajjiżna. Hija l-mod ta’ kif niżguraw li l-industrija tibqa’ tikber u tissaħħaħ fil-futur.
Filwaqt li fisser il-valur li t-turiżmu għandu għall-ekonomija ta’ pajjiżna, il-Ministru Abela qal li t-turiżmu ta’ kwalita jinħtieġ servizz ta’ kwalita. Għalhekk hemm bżonn ta’ ħidma kollettiva bejn il-gvern u l-operaturi f’dan is-settur.
Huwa sostna wkoll li jrid ikun hemm sforz kollettiv u li l-gvern minbarra li huwa lest li jkompli jinvesti f’dan is-settur, għandu l-għan ukoll li jitfaħ swieq ġodda kif għamel biex infetaħ is-suq għat-turiżmu mill-Istati Uniti.
Tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li l-operaturi fl-industrija tat-turiżmu jkunu mgħarrfa sew dwar kif u minn fejn jistgħu jaċċessaw fondi u finanzjamenti Ewropej u filwaqt li qal li l-aċċess għall-fondi Ewropej mhuwiex proċess faċli, b’danakollu ħeġġeġ lill-operaturi biex jagħmlu użu minn dawn il-fondi.
Fost dawk li għamlu intervent f’din il-konferenza kien hemm il-President tal-ACE Michelle Muscat kf ukoll Omar Vella mill-istess Assoċjazzjoni.
