RESPONSABBILTÀ GĦAL AZZJONIJIET F’WAQTHOM

Aqra wkoll

F’dawn il-ġranet ta’ sħana estrema, it-temperaturi għoljin qed iżidu r-riskju ta’ nirien u qed joħolqu sitwazzjonijiet riskjużi f’diversi postijiet madwdar il-gżejjer tagħna. Għalhekk u f’dan il-waqt nixtiequ nwasslu appell importanti lill-pubbliku biex ilkoll kemm aħna inkunu aktar responsabbli u prudenti f’dak kollu li nagħmlu. In-nirien jistgħu jijbtu waħedhom u jinfirxu f’ħin qasir, speċjalment fejn u meta l-art tkun niexfa qoxqox. 

Għalhekk, qed nappellaw sabiex ilpubbliku joqgħod aktar attent, bħal pereżempju ma’ jarmix loqom tas-sigaretti mal-art. Dan għaliex azzjoni żgħira ta’ traskuraġni tista’ twassal għal diżastru kbir, tipperikola l-ħajja tan-nies u tal-annimali u tikkawża problema fl-ambjent ta’ madwarna. Fl-istess ħin, ma nistgħux ma ngħidux grazzi kbira lill-membri kollha tal-Protezzjoni Ċivili, li qed jaħdmu bla heda u b’dedikazzjoni millakbar biex jikkontrollaw u jitfu n-nirien, ħafna drabi f’kundizzjonijiet diffiċli u f’ambjent ta sħana tremenda. 

Il-ħidma tagħhom, bħal dejjem, hija kruċjali biex jipproteġu saħħet u ħajjet in-nies. F’dan il-kuntest, ringrazzjament speċjali jmur ukoll lit-timijiet paramediċi u lill-ħaddiema kollha ta’ lisptar Mater Dei, li jkunu lesti biex jagħtu l-ewwel għajnuna u l-assistenza meħtieġa lil min ikollu bżonnha, kif ukoll lill-Korp tal-Pulizija, li qed jgħin fis-sitwazzjoni biex jiġu kkontrollati n-nirien. Il-ħidma ta’ dawn il-ħaddiema kollha flimkien tfakkarna kemm hu importanti li, bħala nazzjon, nibqgħu magħqudin u nappoġġjaw lil xulxin meta nkunu qed niffaċċjaw diffikultajiet u sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. 

Nappellaw ukoll biex, meta jkun hemm operazzjoni ta’ salvataġġ jew tifi tan-nar, jiġu osservati u segwiti l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet, ħadd ma jersaq lejn iż-żoni milquta sabiex ma tiġix imfixkla il-ħidma tat-timijiet tal-emerġenza. Kull minuta tista’ tiswa l-ħajja umana u l-koperazzjoni tal-pubbliku hija mportanti biex jiġu evitati l-perikli. 

Ejjew nieħdu ħsieb lil xulxin, nieħdu ħsieb l-ambjent tagħna u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nipprevjenu nirien u inċidenti bħal dawn. F’mumenti diffiċli, ir-responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna tagħmel id-differenza

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport