Jissejħu xhieda ġodda hekk kif il-ġuri ta’ Yorgen Fenech jidħol fit-22 jum tiegħu

Aqra wkoll

Il-ġuri ta’ Yorgen Fenech illum jidħol fit-22 jum tiegħu, bil-qorti mistennija tisma’ sensiela ġdida ta’ xhieda wara ġimgħa li rat bosta żviluppi, fosthom konfronti fl-awla bejn ix-xhieda u l-avukati u allegazzjonijiet ġodda li qanqlu kontroversja. Nhar il-Ġimgħa temmew ix-xhieda tagħhom Johann Cremona u Kenneth Camilleri.

Għal diversi jiem, il-ġurati semgħu lil Cremona jirrakkonta kif, fuq medda ta’ aktar minn sena, kien jipprova jikkalma lil Melvin Theuma, il-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, hekk kif dan kien qed isir dejjem aktar panikuż. Matul il-kontroeżami, id-difiża ppruvat tpinġih bħala persuna li aġixxiet kontra Fenech, allegazzjoni li Cremona ċaħad sew.

Is-seduta tal-Ġimgħa ħadet xejra drammatika meta Cremona waqqaf il-kontroeżami tiegħu, daħħal idu fil-but u ħareġ screenshot printjata ta’ konverżazzjoni li qal li kienet intbagħtitlu minn Keith Schembri. Skont Cremona, l-iscreenshot kienet turi awgurju tal-Milied u selfie tal-avukat tad-difiża Charles Mercieca ma’ persuna identifikata fil-qorti bħala Ruben “ta’ Fonzu”. Huwa allega li dan kien juri li, filwaqt li d-difiża kienet qed tipprova tattribwixxi r-responsabbiltà lil Schembri fil-qorti, kienet fl-istess ħin qed iżżomm kuntatt privat miegħu.

“Għajjejt,” qal Cremona waqt li dar lejn Mercieca.

Huwa qal li kien ilu jġorr dak is-screenshot fil-but minn meta daħal il-qorti u kien ħalef li ma jurihx. Kompla jallega li Mercieca u l-avukat. Gianluca Caruana Curran kienu ltaqgħu ma’ Schembri qrib l-Ambaxxata Torka lejlet ix-xhieda tiegħu fil-qorti. Aktar kmieni, il-ġurati semgħu wkoll recordings sigrieti ta’ Melvin Theuma, li fihom jinstema’ jgħid li ried “jġiegħel jagħmel taħtu” lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament billi jħeġġeġ lill-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien, Simon Busuttil, iqajjem il-kwistjoni ta’ maħfra presidenzjali.

Jikkalmaw partitarju rrabjat

Aktar tard, Kenneth Camilleri xehed li fis-sajf tal-2018 Keith Schembri kien ċempillu u talbu jmur “jikkalma” persuna. Camilleri qal li dak iż-żmien ħaseb li kienet xi kwistjoni relatata mal-Partit Laburista u li kienu sejrin jikkalmaw lil xi partitarju irrabjat, kif kien ġieli ġara qabel.

Huwa qal li telaq ma’ Johann Cremona mingħajr ma staqsa fejn kienu sejrin jew ma’ kienu se jiltaqgħu. Meta waslu, qal li sab għall-ewwel darba lil Melvin Theuma, li talbu biex isir dak kollu possibbli sabiex l-aħwa Degiorgio jingħataw il-libertà proviżorja.
Camilleri qal li baqa’ xxukkjat b’dik it-talba, ċempel minnufih lil Keith Schembri biex jistaqsih x’kien li deffsu f’dik is-sitwazzjoni, iżda dan qatagħlu l-linja baqa’ jevitah.

Skont ix-xhud, huwa pprova kemm-il darba jkellem lil Schembri wiċċ imb’wiċċ, anke permezz ta’ Neville Gafà, iżda mingħajr suċċess. Eventwalment talab laqgħa mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Camilleri qal li, hekk kif daħal fl-uffiċċju ta’ Muscat, dan waqqfu qabel ma kellu ċ-ċans jitkellem u qallu: “L-aħjar ma nkunx naf.” Ix-xhud sostna li telaq mingħajr ma qal kelma u qatt ma reġa’ mar għax-xogħol.

Huwa ammetta wkoll li partijiet mill-ewwel stqarrija tiegħu lill-pulizija ma kinux veri, u spjega li dak iż-żmien “ma kien jafda lil ħadd”. Insista li l-verżjoni li ta quddiem il-ġurati hija dik korretta. Meta mistoqsi direttament mill-Imħallef Grima dwar allegazzjoni magħmula minn Yorgen Fenech li Keith Schembri kien bagħtu joqtol lil Melvin Theuma, Camilleri wieġeb b’mod kategoriku: “Le.”

Fenech qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi li kien il-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia permezz ta’ karozza bomba f’Ottubru tal-2017, allegatament billi ffinanzja l-qtil b’€150,000. Huwa jinsab akkużat ukoll li kien membru ta’ organizzazzjoni kriminali mwaqqfa biex twettaq l-assassinju.

Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima, ikompli llum b’sensiela ġdida ta’ xhieda.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport