Friday, April 19, 2024

Ħalliena il-Vallettan li tant ħabb lill-Valletta

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-pandemija ma waqqfitux milli jkompli bl-artikli riċerkati tiegħu dwar il-Belt Valletta

Lil Victor Scerri nafu għal dawn l-aħħar 27 sena kemm fl-uffiċini ta’ L-ORIZZONT u IT-TORĊA.  Lil Victor dejjem kont issibu lest biex jgħin.  Ma tilħaqx iċċempillu jew tkellmu dwar xi ħaġa li tkun qed tirriċerka dwar il-Belt li ma jkunx pront u jtik l-għajnuna tiegħu. Ritratti antiki. Artikli li jkun diġa kiteb. Persuni Beltin li rriċerka dwarhom.

Victor Scerri ħalliena proprju fl-aħħar sigħat. Naxxar jgħix il-Belt Valletta li ssaħħar wara is-sbuħija u l-istorja ta’ Valletta. Sa ftit ġimgħat ilu kien għadu jiġi fl-uffiċini tagħna.  Victor kulħadd jafu fil-bini tal-GWU u kif jidħol kien jibqa’ tiela direttament fuq ħdejna fil-Kamra tal-Aħbarijiet. Ħafna drabi ikollu basket żgħir. Ipoġġieh fuq il-mejda. “Ħa npoġġi għax illum kbirna xbin.”

Iħares lejja u jgħidli ‘iż-żmien hemm qiegħed’

Minn dak il-basket dlonk tara artiklu ħiereġ. Miegħu għadd ta’ ritratti. “Dan biex tagħmlu meta trid inti. Meta tkun komdu”.

Kultant żmien b’mod partikolari meta toqrob  id-Duluri jew fil-Milied inkunu qed nistennew poeżija mingħandu. Għal dan il-Milied ħaseb kmieni u kien bagħtielna f’Settembru li għadda u qed nippubblikawha ma’ dan l-artiklu.

Meta kien sema’ li konna qegħdin inħejju biex nagħmlu suppliment forma ta’ magażin dwar il-Belt Valletta meta kienet il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, kien offra l-għajnuna tiegħu. Kien tagħna l-pariri dwar x’artikli nistgħu nagħmlu dwar il-belt u ma naqasx li anke hu jagħmel ir-riċerka tiegħu u jgħaddihielna.  Bl-idea li ħareġ bihom, mhux magażin konna nagħmlu imma sensiela sħiħa ta’ magażins. 

Dak inhar imma kien qalli “għandi xewqa li nixtieq li tagħmel enfasi fuqha fis-suppliment”. Qalli tużax il-kelma ‘Beltin’.  Qalli aħna ‘Vallettani’.

“Vallettani Vic? Jien dejjem Beltin  sejjaħtilhom”, weġibtu. “Le. L-Isla belt u tista’ tgħidilhom li huma beltin. Anke l-Birgu għalkemm ngħidulhom Ġirbin, tista’ tgħid li huma Beltin għax dik hi belt ukoll u hemm postijiet oħra. Aħna minn Valletta. M’għandniex nissejħu Beltin imma Vallettani”, jispjega Victor.

Biex jissostanzja l-argument tiegħu ġab ħafna eżempji oħra. Fi ftit kliem, irreferejna għall-Beltin bħala Vallettani. Ma naqasx li imbagħad hu ukoll joħroġ ktieb b’persunaġġi beltin li ukoll sejħilhom Vallettani.

Il-pandemija ma waqfitx lil Victor milli jibqa’ jiġi fl-Uffiċini tagħna. Anki meta s-sitwazzjoni tal-Covid19 kienet qed terfa’ rasha f’pajjiżna, lil Victor bqajna narawh ġej fl-uffiċċju minkejja l-età tiegħu. Jitkellem magħna fuq diversi temi marbutin mal-belt u kultant joħroġ ukoll ritratti antiki li jkollu u jurihomlna bħal meta ġabilna ritratt tal-bibien li kellha l-Belt Valletta.

Kien iħobb jirrakkonta magħna ma’ min ikun iltaqa’ u kellmu fuq l-artikli li jkun kiteb. Nies prominenti u jgħidli ‘taf min qrah l-artiklu u kellimni fuqu?”. U hemmhekk erħilu jirrakkonta dak li jkunu qalulu. Fost dawn l-artiklu li semma’ ħafna persuni prominenti kien ‘Belt il-Qaddisin”.

Ma kienx jitlaq mill-uffiċċju qabel ma jirrringrazzjana tal-ħidma tagħna. Kien bniedem ta’ rispett kbir. Jkellmek b’mod ġentili u meqjus. 

Victor kien raġel li spiss kien jesprimi it-tħassib tiegħi dwar in-nuqqas ta’ għarfien kulturali. Kien xi ħaġa li tweġġgħu. 

Victor se jkun ħalliena imma għandna tagħlima x’nieħdu mingħandu. Tagħlima li ħafna iridu jagħtu kasha. Dik li jħobbu l-Belt Valletta kif ħabbha hu. Wirt ta’ pajjiżna li sfortunatament mhux dejjem tiġi apprezzata. Spiss kien jilmenta minn xi nuqqasijiet li kien jixtieq li jitranġaw.

Mal-ġurnalista Carmen Cachia kien jitkellem fuq kif il-kitba ittiħ l-entużjażmu. Spiss kien jgħidilna “ma nistax nieqaf nikteb. Nibqgħu għaddejjin sakemm ikollna saħħa.” 

L-aħħar messaġġ mingħandu kienet proprja din il-poeżija dwar il-Milied. Grazzi Victor tal-ħidma tiegħek. F’isem il-ħaddiema tal-Union Print nagħtu l-kondoljanzi lill-qraba tiegħu.

2 KUMMENTI

  1. Prosit tassew. Kitba tajba. Victor kien ħabib tiegħi wkoll.
    Tista’ jekk jogħġbok tagħtina permess biex din il-kitba tiegħek nippubblikawha fil-ktejjeb uffiċjali tal-Banda King’s Own ħarġa tal-Għid 2022.
    Grazzi ħafna

Comments are closed.

Sport