Wednesday, July 24, 2024

Ħames snin ħabs wara li daħlet Malta b’90 kapsula kokaina

Aqra wkoll

Mara mir-Repubblika Dominikana ntbagħtet ħames snin ħabs effettivi wara li ammettiet minflok għaddiet ġuri li daħħlet f’pajjiżna madwar 900 gramma kokaina.

Jarolina del Socorro Mendez Bethancourt ta’ 28 sena, li għandha wkoll karta tal-identità Spanjola, kienet akkużata b’importazzjoni tal-kokaina u li kienet fil-pussess tad-droga, li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħha.

Hija kienet akkużata wkoll li għamlet dikjarazzjoni falza, u dan bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Immigrazzjoni u li għamlet użu minn passaport maħruġ lil persuna oħra.

Il-każ imur lura għall-5 ta’ Ottubru tal-2021, meta l-Pulizija mis-sezzjoni ta’ kontra d-droga kienet infurmata mis-sezzjoni tad-Dwana stazzjonata fl-ajruport ta’ Malta li wara spezzjoni li saret fuq persuna kienu nstabu mad-90 kapsula. Dawn kienu moħbija fil-ħwejjeġ tagħha u li kien fihom trab abjad, liema trab kien suspettata li kien fih id-droga kokaina.

Jirriżulta li l-akkużata kienet għadha kif waslet Malta b’titjira minn Madrid. Malli l-uffiċjali tal-pulizija waslu fuq il-post u ngħataw l-imsemmija kapsoli, il-pulizija infurmat lill-Maġistrat tal-Għassa fejn immedjatament infetħet inkjesta bil-ħatra ta’ diversi esperti biex jassistu u jippriservaw l-evidenza kollha li ġie misjuba u elevata.

Mill-Att tal-Akkuża, ħareġ ukoll li meta l-akkużata kienet imwaqqfa mill-uffiċjali tad-Dwana, instab li hija kienet qiegħda tagħmel użu minn dokument ta’ persuna oħra. Hija mbagħad kienet ikkonfermat mal-pulizija l-identità vera tagħha.

Sadanittant, minn aktar eżamijiet li saru fuq il-kapsoli misjuba fil-pussess tal-akkużata, ġie kkonfermat li fil-fatt it-trab abjad kien jikkontjeni s-sustanza kokaina bil-piż totali jkun ta’ ftit inqas minn 900 gramma b’purità ta’ madwar 35% u b’valur ta’ bejn €15,502 u €71,500.

Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras qalet li fid-dawl tal-ammissjoni tal-akkużata, tqis li kellha taderixxi mat-talba konġunta mill-partijiet u għalhekk kienet se timponi l-piena kif mitluba.
Minbarra l-piena ta’ priġunerija, il-Qorti kkundannatha multa ta’ €7,000.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport