Sunday, May 5, 2024

Ħati li kkaġuna l-mewt ta’ Christine Gauci għax assuma li setgħet tkompli togħdos

Jeħel sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin

Aqra wkoll

Arthur Castillo ta’ 58 sena minn Tas-Sliema dalgħodu ġie kkundannat mill-Maġistrat Simone Grech sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li kkaġuna l-mewt ta’ Christine Gauci għax assuma li setgħet tkompli togħdos.
Kien fit-18 ta’ Jannar tal-2020 meta Christine Gauci ta’ 35 sena minn Għawdex mietet waqt li kienet qed togħdos f’Imġarr ix-Xini. Il-Qorti kkonkludiet li dan seħħ għax l-imputat assuma li l-vittma setgħet tkompli togħdos minkejja d-diffikultajiet li sabet ruħha fihom malli qabżet togħdos mal-akkużat.

Minn dak li ħareġ fil-Qorti jirriżulta li Castillo naqas milli milli jżomm kuntatt ma’ Gauci “biex jara li għadha sew il-ħin kollu,” minkejja li l-akkużat xehed li kien imħarreġ fir-rescue diver training.

Skont dak li ntqal fl-istqarrija rilaxxata mill-imputat, qal li Gauci bdiet qisha titlef il-bilanċ malli ħarġu minn mal-blat man-naħa tax-xellug taħt il-baħar.

Castillo qal ukoll li kien f’dan il-mument u anke wara li staqsa lil Gauci jekk tridx iduru lura, iżda l-vittma qaltlu li riedet tkompli togħdos. L-imputat kompla jgħid li waqt li kienu fi triqithom lejn il-bajja biex jibdew jgħoddsu l-vittma qaltlu li kienet għajjiena ħafna wara li kellha xift twil tax-xogħol. Skont Castillo anke s-sieħba tiegħu kienet qaltilha biex ma togħdosx, iżda Gauci insistiet li tinżel xorta waħda hekk kif bil-baħar tiġi f’tagħha.

Gauci tilfet ħajjitha wara li sabet ruħha f’diffikultà taħt il-baħar aktar tard f’dik l-għodwa. Għall-Qorti, jirriżulta li l-imputat assuma li Gauci kienet qed tgħum lura lejn il-wiċċ u ma baqax isaqsiha kemm kien fadlilha arja.

Il-Qorti tqis li l-imputat assuma ħafna affarijiet dwar x’kienet għamlet Gauci mingħajr ma effettivament kien sar kuntatt bejnu u bejn Gauci, 77 minuta wara li qabżu l-baħar. Huwa kien qiegħed hemm biex jieħu ħsiebha.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti kkunsidrat ukoll li dakinhar il-vittma kienet qed tuża dry suit li ma kinitx tal-qies tagħha u li lanqas kienet tħarrġet dwar kif tużaha sew.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Simone Grech, ordnat lil Castillo jħallas €1,114 fi spejjeż tal-Qorti. Il-prosekuzzjoni fil-każ tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.

Sport