Wednesday, April 1, 2026

Ħati li qagħad iħares lejn waitress għal ħin twil

Aqra wkoll

Ondrej Cervenec, ta’ 35 minn Slovjakka li kien f’pajjiżna fuq vaganza ġie illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien 3 snin wara li nstab ħati li ta fastidju lil waitress ġo bar ta’ restorant f’Tas-Sliema billi qagħad iħares lejha għal ħin twil.

Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, il-Prosekuzzjoni qalet li dan ir-reat seħħ bejn it-23 u l-25 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet. Hu kien akkużat ukoll li wettaq att indiċenti fuq il-waitress, li segwiha u li beżżagħha bl-atteġġjament tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni qalet li Cervenec kien ġie Malta għal 3 ġimgħat u fit-23 ta’ Lulju tal-imsemmija sena l-waitress bdiet tħossha skomda bil-ħars kontinwu tar-raġel.

Irriżulta li l-għada hi ma kinitx xogħol, iżda fil-25 ta’ Lulju l-imputat vviċinaha, staqsiha fiex ħin kienet tibda xogħol u f’liema ħin tispiċċa, biesha fuq iż-żewġ naħat ta’ wiċċha u baqa’ jsegwiha fejn tmur tant li kien għalhekk li infurmat lill-uffiċjali tas-sigurtà li qalulu biex jitlaq.

L-għada imbagħad reġgħet ma kinitx xogħol, iżda marret fejn taħdem ma’ sħabha, u kien hawn li l-imputat reġa’ beda jħares lejha. Missierha kien qallu biex jitlaq, iżda hu baqa’ hemm tant li kellhom jissejħu l-pulizija biex keċċewh ‘il barra. Wara ftit reġa’ mar fuq il-post tax-xogħol tagħha u kien hawn li l-pulizija arrestawh.

Il-Maġistrat Farrugia sabet lill-akkużat ħati li ta fastidju lill-waitress u li segwiha imma mhux li beżżagħha u li wettaq atti indiċenti fuqha fejn anke rrimarkat li bews fuq iż-żewġ naħat tal-wiċċ ma setax jitqies hekk.

Il-Qorti qalet li minn rapport li kien imħejji minn psikjatra rriżulta li l-imputat ibati minn diżordni fejn il-ħsibijet tiegħu huma maqtugħa mir-realtà liema diżordni tista’ tiġi kkawżata minn stress.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Avukat Miriayah Borg mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Ian Azzopardi waqt li l-Avukat Nadia Fiott dehret għall-akkużat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport