Friday, May 3, 2024

Ħema u żejjen madwar 800 figolla għall-familji Maltin u Għawdxin fi żmien l-Għid

Jitkellem Renato Briffa, li ilu dulċier għal dawn l-aħħar ħamsin sena

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Iż-żmien tal-Għid huwa żmien fejn bosta familji Maltin u Għawdxin jiċċelebraw din il-festa partikolarment b’diversi ħlewwiet tradizzjonali tal-Għid. Għad-dulċiera dan iż-żmien jirrikjedi ħafna xogħol, minħabba l-fatt li l-ħelu jieħu ħafna fit-tul sabiex jinħema u sabiex jiġi ddekorat.

Dan qalu d-dulċier Renato Briffa, f’intervista li kellu ma’ Talk.mt, fejn irrimarka li ż-żmien tal-Għid imur lil hinn mill-figolli. Spjega li minbarra li ħema u żejjen madwar 800 figolla, għamel ukoll il-kwareżimal, il-qassatat tal-ħelu, il-bajd taċ-ċikkulata, il-qagħad tal-appostli u l-qagħaq tal-ħelu.

Fl-intervista, id-dulċier Briffa wera li xtaq jaqsam ir-riċetta ta’ x’inhuma l-ingredjenti essenzjali biex wieħed jagħmel figoll ta’ tjubija. Huwa spjega li għall-għaġina wieħed irid, daqs 625 gramma ta’ dqiq, 200 gramma butir, kuċċarina baking powder, kuċċarina vanilla, lumija maħkuka, 250 gramma zokkor u 150 millilitru ilma.

Dan filwaqt li għal mili, wieħed għandu bżonn; 400 gramma lewż pur, 400 gramma zokkor fin, żewġ bajdiet, kuċċarina essenza tal-vanilla u lumija maħkuka. Huwa rrimarka li għal dawn l-aħħar 23 sena kien lettur ġewwa l-iskola L-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) u li l-istess riċetta kien jagħtiha lill-istudenti fi żmien l-Għid.

Meta mistoqsi x’kien l-ikbar sodisfazzjon f’dan ix-xogħol huwa qal il-fatt li kien jgħallem lill-istudenti. Għalih kienet ta’ sodisfazzjon li hu li kien l-lettur tagħhom, kien jaqsam ir-riċetti li hu ilu jagħmel għal żmien twil fil-karriera tiegħu. Żied jgħid ukoll li s-sodisfazzjon tiegħu hu meta l-istudenti juru interess għaliex permezz t’hekk is-sengħa tal-ħelu ma tintilef qatt.

Ix-xogħol fid-dolċerija għal Briffa beda minn ta’ età żgħira. Briffa irrakkonta kif l-imħabba tiegħu fuq ix-xogħol bdiet peress li kellu missieru dulċier u mill-istess familja kellhom dolċerija li dak iż-żmien kienet tinsab fiċ-ċentru tal-Belt Valletta. Qal kif huwa flimkien mal-membri tal-familja, kienu jagħmlu ħelu għal tiġijiet, għal magħmudiji, għal praċetti, griżmi, għerusiji, gradwazzjonijiet u ħafna iżjed.

Briffa qal li jixtieq li l-ħolma tiegħu ssir realtà din is-sena stess. Dan hekk kif spjega ma’ dan is-sit li f’Diċembru ta’ din is-sena, permezz ta’ diversi għajnuniet huwa mistenni li joħroġ ktieb. Fih se jiġbor ir-riċetti kollha tiegħu li ilu jħaddem minn ħamsin sena ilu lil hawn. Ix-xewqa tiegħu hi li l-pubbliku hemm barra jixtri l-ktieb tiegħu, li bih mistennija jkunu sodisfatti.

Sport