Wednesday, June 24, 2026

“Hemm bżonn insibu aktar ħin għas-skiet u r-riflessjoni f’dinja kontinwament aljenata”

- L-Isqof Mons. Anton Teuma

Aqra wkoll

“Hemm bżonn li nsibu aktar ħin għas-skiet u r-riflessjoni f’dinja kontinwament aljenata.” Hekk qal l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma l-Ħadd li għadda fil-Festa titulari tax-Xewkija.

Fl-omelija tiegħu, Mons. Isqof qal li bir-raġuni li lil San Ġwann Battista  insejħulu l-‘Magnus’, ladarba Ġesù stess qal li hu “l-ikbar fost l-imweldin min-nisa”.

Imma l-Isqof kompla jgħid li Ġwanni huwa kbir mhux għax kellu l-għana, l-istatus jew il-poter, imma għax kien kapaċi jikxef il-verità u jkun xhud tagħha sal-martirju. Fl-umiltà tiegħu, huwa ma beżax mill-verità, u kien jaf lilu nnifsu u lil Kristu li sar l-iskop ta’ ħajtu.

Il-kobor tal-Battista jinsab ukoll fl-umiltà tiegħu, għax għaraf iċ-ċokon tiegħu quddiem Dak li għalih ġie jħejji t-triq.

Fih jispikka wkoll is-sens ta’ ġustizzja, u għalhekk ma ddejjaqx jeħodha kontra l-kurrent biex iwassal il-verità.

Fl-aħħar mill-aħħar, Ġwanni l-Battista, għax kien jaf sew x’kienet is-sejħa tiegħu u emmen fiha, kien bniedem ħieles li b’ħajtu jagħti tweġiba għal dak li Alla ried minnu, anki jekk dan kien jikkuntrasta ma’ dak li riedu għalih il-ġenituri tiegħu u l-konvenzjonijiet ta’ żmienu.

Din il-libertà wasslitu wkoll biex jgħid il-verità dejjem u bla biża’, u b’kuraġġ u qawwa jikkritika lill-awtoritajiet reliġjużi u politiċi ta’ żmienu. Dan kollu għaliex għalih l-ewwel kienet tiġi l-verità – tant hu hekk li kien liberu saħansitra minn ħajtu u kien lest jagħti rasu.

Il-fidi tagħna hi dan il-kobor li hemm ġol-bniedem, li kull qalb titniehed għalih, u li Ġwanni jagħtina d-direzzjoni lejh bil-ħajja u l-eżempju tiegħu.

Għal dan kollu għandna bżonn il-konverżjoni li pprietka l-Battista, biex fil-fond ta’ qalbna nsibu lil Ġesù. Għalhekk nitolbuh biex id-‘deżert’ li huwa għex jibda jagħmel parti mill-ħajja tagħna, billi nsibu aktar ħin għas-skiet u r-riflessjoni f’dinja kontinwament aljenata. 

Hekk Ġesù Kristu jkun jista’ jgħid għalina wkoll li minn fost in-nisa ma twieled ħadd ikbar minna, għax aħna dixxipli tiegħu

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport