Friday, December 13, 2024

“Hemm bżonn li nikkultivaw ħila ta’ evalwazzjoni, sabiex il-pubbliku jkun kapaċi jiddistingwi bejn il-fatti u l-opinjonijiet”– L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati

Aqra wkoll

“Hemm bżonn li nikkultivaw ħila ta’ evalwazzjoni, sabiex il-pubbliku jkun kapaċi jiddistingwi bejn il-fatti u l-opinjonijiet,” tenna aktar kmieni llum l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, meta indirizza lil dawk preżenti li pparteċipaw għal forum dwar il-midja u l-informazzjoni fil-Parlament fuq inizjattiva ta’ Claudette Buttigieg u Karol Aquilina.

F’kelmtejn li għamel hu qal li huwa essenzjali li r-rwol tal-midja jiġi rikonoxxut bħala wieħed li għandu l-qawwa li tirrappreżenta l-verità, tagħti vuċi lil kulħadd, speċjalment lil dawk li m’għandhomx, u tgħin biex jinstabu soluzzjonijiet għal problemi varji.

Hu kompla billi qal li l-midja għandha l-abbiltà li twassal l-aħbarijiet b’mod immedjat, madankollu, dan il-poter iġib miegħu responsabbiltajiet kbar u għaldaqstant hemm in-neċessità li jinżamm l-ogħla standard ta’ etika fil-midja, sabiex l-informazzjoni li tasal għand il-pubbliku tkun ċara, ġusta u preċiża.

L-Ispeaker qal li fid-dinja tal-lum, l-influwenza tal-midja soċjali għandha rwol kbir u fid-dawl ta’ dan hemm bżonn li nikkultivaw ħila ta’ evalwazzjoni, sabiex il-pubbliku jkun kapaċi jiddistingwi bejn il-fatti u l-opinjonijiet.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia kkonkluda billi appella lil dawk li jaħdmu fil-qasam tal-midja biex ikunu kuxjenzjużi u responsabbli, sabiex il-midja tkun verament l-għajnejn u l-widnejn tal-pubbliku hekk kif il-pubbliku għandu d-dritt għal informazzjoni korretta, li ma tkunx manipulata biex tiġġustifika aġendi personali jew politiċi.

Bosta li jaħdmu fil-qasam ġurnalistiku intervjenew u wasslu ħsibijiethom.

Il-forum kien indirizzat ukoll mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, Karol Aquilina u Claudette Buttigieg.

Ekonomija

Sport