Sunday, November 24, 2024

“Ħudu responsabbiltà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħlas tal-ħaddiema” – GWU lill-kumpaniji tat-tqassim tal-ikel u tat-taxis

Aqra wkoll

Meta kumpaniji tat-tqassim tal-ikel u tas-sewwieqa tat-taxis jgħidu li għandhom ‘high turnover’ ta’ ħaddiema, dan juri li l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma ħżiena u li l-ħaddiema jkollhom jitilqu biex isibu xogħol aħjar u aktar dinjituż.

Il-GWU taqbel li ma għandhomx jinġiebu ħaddiema minn pajjiżi terzi li ma jkunx hawn il-ħtieġa għalihom għax jispiċċaw abbużati. Taqbel mad-deċiżjoni strateġika tal-Gvern Malti u ma tarax li din għandha taffettwa l-ħidma ta’ dawn il-kumpaniji fil-preżent, kif qed ikun indikat.

“Fl-istqarrija tiegħu l-Bolt qed jattribwixxi t-tibdil li seħħ dan l-aħħar, żieda fil-prezzijiet u l-ħin ta’ stennija man-nuqqas ta’ ħaddiema minħabba li diversi sewwieqa ġew miċħuda permessi tax-xogħol jew tiġdid. Il-GWU temmen li l-ewwel pass li għandu jsir minn dawn il-kumpaniji hu li jieħdu r-responsabbiltà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħhom kif jiġri f’setturi oħrajn u b’hekk jkunx hemm daqstant ħtieġa ta’ ħaddiema biex jibdlu lil dawk li jitilqu f’qasir żmien,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Żied jgħid li meta dawn il-ħaddiema tat-taxis u food couriers qed jiġu jitkellmu mal-GWU qed jgħidulhom li mhumiex kuntenti bil-kundizzjonijiet tax-xogħol preżenti, speċjalment il-ħlas li jingħataw, il-ħlas li jkollhom joħorġu għall-ilbies protettiv, għall-kiri tal-vetturi bħall-muturi u l-ħin twil li jagħmlu jistennew. Dan kollu jwassal għal tibdil kontinwu tal-ħaddiema, hekk kif ammonti kbar jitilqu mal-ewwel ċans li jkollhom għal xogħol aħjar.

Ftit ġranet ilu f’laqgħa li l-GWU kellha ma’ numru ta’ ħaddiema couriers mal-BOLT, il-GWU talbet li jkun hemm aktar viġilanza u nfurzar fuq min kien għadu qed jabbuża minn dawn il-ħaddiema.

Il-GWU qalet li s-sistema tas-single work permit dejjem kienet ibbażata fuq nuqqas ta’ riżorsi umani. Bil-mod kif qed tispiċċa abbużata s-sistema, dawn il-kumpaniji ma jistgħux jiggarantixxu kundizzjonijiet ta’ xogħol tajba u xogħol diċenti.

Il-GWU tappella biex jittieħdu l-passi meħtieġa minn dawn il-kumpaniji biex u jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema, biex b’hekk tonqos il-ħtieġa kontinwa ta’ għoti ta’ permessi ta’ xogħol ġodda għal ħaddiema minn pajjiżi terzi għal dan is-settur, filwaqt li l-ħaddiema jkollhom stil ta’ ħajja f’pajjiżna kif xieraq.

Sport