Qed nagħmlu biżżejjed biex ikollna kwantitajiet akbar ta’ ħut għall-konsum? Jgħidulna li l-ikel magħmul mill-ħut hu aqwa għas-saħħa tal-bniedem minn ikel ieħor. L-isforzi biex jitkabbar u jinqabad aktar ħut ta’ kull speċje żdiedu bil-qawwi, kif għamlu l-volumi ta’ ħut fis-swieq, speċjalment maqbud b’“metodi industrijali” ta’ kif isir is-sajd.
L-ironija kienet u għadha li l-“metodi industrijali” jintużaw mhux f’qafas ta’ fabriki imma f’dak ta’ kaċċa għal ħolqien li jgħix ħieles. B’hekk, il-provisti ta’ ħut fl-ibħra bdew jonqsu u uħud mill-ispeċje resqin lejn tmiem totali.
Hu kruċjali li dan ma jibqax jiġri u programmi ta’ hekk imsejħa konservazzjoni qed jitħaddmu, b’riżultati mhux daqstant ċari, ħalli jevitaw li nispiċċaw bla ħut fl-ibħra. Mid-dehra suċċess f’din id-direzzjoni inkiseb sa issa bi speċje bħall-aringi u l-bakkaljaw tal-Atlantiku.
Il-problema tal-konservazzjoni ma tinqalax għax l-azjendi “industrijali” qed jinżammu lura milli jaħdmu, imma li fit-twettiq tagħha, ma nispiċċawx naslu biex jekk mhux bla ħut, mingħajr ukoll is-sajjieda hekk imsejħa “tradizzjonali”.
***
ABORT FIL-POLONJA
Fi żmien l-Unjoni Sovjetika, fil-Polonja bħal fil-pajjiżi l-oħra li kienu taħt id-dell tas-Sovjetiċi, l-abort kien jintuża anke bħala “kontraċettiv” u prevalenti ħafna. Meta l-Pollakki ħelsu mill-għafsa Sovjetika, għall-bidu poġġew l-abort fil-linji tal-prattika tal-Ewropa tal-Punent. Tqies bħala dritt legali tal-mara biex iżżomm kontroll sħiħ fuq persuntha u ħajjitha. Il-Knisja Kattolika baqgħet tirreżisti dil-ħaġa u bil-mod l-abort baqa’ jiġi dejjem aktar ristrett.
L-aħħar bidliet imwettqa minn gvern li jipproklama l-ħeġġa tiegħu biex jiddefendi l-valuri tal-familja, sa minn sena ilu, issa prattikament interdewh.
Ma jidhirlix li din hi ħaġa aċċettabbli. Mhux sew li l-abort jew kwalunkwe dritt legali ieħor mogħti liċ-ċittadini, rikonoxxut minn liġijiet viġġenti, jista’ jiġi revokat b’deċiżjoni jew ma’ bidla ta’ gvern.
***
IL-FUTUR TAL-AIR MALTA
L-Air Malta għandha futur? Jew se jkollha tingħalaq, anke jekk minflokha tidħol xi linja tal-ajru pariġġ… bħal fl-Italja jew fil-Belġju?
Hemm ħafna raġunijiet għaliex il-problemi tal-linja tal-ajru nazzjonali baqgħu jitqalu matul is-snin. Mhux kollha ġew minħabba r-regoli tal-Unjoni Ewropea jew il-wasla tar-Ryan Air. Ittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet strateġiċi ħżiena matul is-snin, deċiżjonijiet dubjużi li llum intesew imma li mmarkaw b’toqol l-iżvilupp tal-kumpanija. Magħhom irridu ngħoddu l-iżbalji tat-tmexxija politika, miż-żewġ partiti, li bihom il-kumpanija kellha ġġorr piżijiet kummerċjali żejda li tellfuha ħafna mill-flessibiltà li ħtieġet.
X’kuntrast mal-ewwel snin tal-Air Malta, kif niftakar jien! Allura, kienet kumpanija li waqt li qed issostni l-aqwa stendards ta’ żmienha, kienet turi ruħha flessibbli, avventuruża u kuraġġuża waqt li tagħmel il-profitti.