Saturday, April 12, 2025

“Huwa serju ħafna li kien hemm persuni mhux maħtura fl-inkjesta li marru jfittxu fid-dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat”

- L-eks Kummissarju Ewropew Helena Dalli

Aqra wkoll

“Huwa serju ħafna li kien hemm persuni mhux maħtura fl-inkjesta li marru jfittxu fid-dar tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat, speċjalment meta wieħed iqis li dan qatt ma ġara qabel skond ma ntqal. Din is-sitwazzjoni tqajjem tħassib dwar ir-rispett lejn il-liġi u l-proċeduri xierqa ta’ investigazzjoni f’Malta.  Jekk dawn il-persuni verament ma kellhomx awtorizzazzjoni, dan jista’ jindika ksur ta’ protokoll jew saħansitra abbuż ta’ poter”

Dan iddikjaratu l-eks Kummissarju Ewropew Helena Dalli permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali fejn irrimarkat li jkun għaqli jekk għal mument  wieħed ipoġġi mal-ġenb il-fatt li dan huwa każ tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u jżomm f’moħħu li dak li qed jiġri, qed jiġri mal-ogħla fostna. 

Dalli qalet ukoll; “Aħseb u ara kemm jista’ jiġri jew qed jiġri mal-kumplament tal-membri tas-soċjetà tagħna li mhumiex fil-ħajja pubblika u allura forsi ikollhom inqas skrutinju fuqhom. M’hemmx kuluri politiċi f’dak li se ngħid, imma sempliċiment se nitkellem fuq inkwiet li kull ċittadina u ċittadin Malti għandu jkollu dwar is-sistema tal-qrati tagħna, għax jidhirli li b’dak li smajna din il-ġimgħa, tassew missejna l-qiegħ” 

Tenniet li din is-sitwazzjoni titlob ċarezza u kontabbiltà u li l-awtoritajiet għandhom jinvestigaw minnufih biex jiżguraw li kull azzjoni tkun konformi mal-istandards legali u biex jipproteġu l-integrità tas-sistema.  Qalet li fil-fehma tagħha, jekk dan ma jseħħx, ;”ir-riskju huwa li dan l-inċident ikompli jagħmel ħsara fit-tul lill-governanza f’Malta”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport