Il-ħarsien tal-annimali, inkluż fil-komunitajiet, hu ferm importanti li nibqgħu nsaħħuh. Gvern Laburista kompla jaħdem għal dan il-għan, fejn ħareġ diversi skemi, inkluż vawċers lil cat feeders, u għajnuniet oħra lill-għaqdiet li jaħdmu fis-settur tal-annimali biex fost affarijiet oħra jibbenefikaw minn rati speċjali fil-kontijiet tad-dawl.
Ta’ min jinnota wkoll li f’dawn l-aħħar snin, il-Kunsilli Lokali ħadmu mad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali biex ġew imnedija diversi inizjattivi għal aktar tisħiħ favur il-ħarsien tal-Annimali. F’dan il-kuntest, il-Kunsilli bbenefikaw minn fondi sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw diversi proġetti ta’ dog parks, cat cafes u kampanji edukattivi fil-lokalitajiet sabiex ikomplu jsaħħu l-ħarsien tal-annimali.
Dan kollu hu xhieda tal-attenzjoni speċifika li qiegħda tingħata lil dan is-settur. Iżda l-Gvern qed iħares li jkompli jtejjeb fuq il-ħafna li diġà ġie mwettaq fl-aħħar snin. Fil-fatt, fil-manifest elettorali “Int Malta” jingħad li ttieħdu deċiżjonijiet u ġew aġġornati l-liġijiet sabiex pajjiżna jħares l-annimali kif jixraq.
Fl-istess manifest, jissemma’ wkoll li se jkompli jissaħħaħ il-qafas regolatorju ta’ pajjiżna flimkien ma’ aktar investiment fl-edukazzjoni, l-infurzar u miżuri ta’ deterrent. Barra minn hekk, l-għaqdiet mhux governattivi se jingħataw sehem akbar fil-kura li tingħata lill-annimali abbandunati.
Iżda minbarra l-ħemel ta’ riformi mwettqa mill-Gvern fis-settur tal-ħarsien tal-annimali, il-ħidma biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni dwar l-isptar tal-annimali ma waqfitx. U l-manifest elettorali tal-Partit Laburista jipproponi li fl-ewwel xhur tal-leġiżlatura ta’ Gvern Laburista ġdid jerġa’ jinfetaħ l-Isptar Veterinarju f’Ta’ Qali.
Dan se jkun sptar irrinnovat u mgħammar b’tagħmir modern u ta’ livell għoli sabiex jilqa’ emerġenzi veterinarji, jipprovdi konsultazzjonijiet bla ħlas għal kull każ ta’ emerġenza u jiżgura l-benesseri tal-annimali. Barra minn hekk, dan l-isptar mhux biss se jagħti aktar serħan il-moħħ lis-sidien tal-annimali iżda se jservi bħala teaching hospital għal studenti li jsegwu l-kors tal-mediċini veterinarja tal-MCAST.
Għalhekk, bla dubju nilqgħu dawn il-proposti u nħarsu ’l quddiem li fix-xhur li ġejjin, min jingħata l-fiduċja, ikompli jaħdem f’dan il-qasam b’aktar determinazzjoni u mpenn.

