Wara xhur sħaħ ta’ ħidma, ilbieraħ reġgħet infetħet mill-ġdid il-Pjazza ta’ Buġibba li issa l-pubbliku jista’ jgawdi. Ir-riġenerazzjoni tal-Pjazza ta’ Bugibba hu parti minn proċess ferm aktar wisa’ għal din il-lokalità hekk kif ftit tal-jiem ilu ġie mniedi għall-ewwel darba s-servizz tal-fast ferry li permezz tiegħu mistenni jżid in-negozju f’din iż-żona.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg qal li “dan il-proġett qed jagħti ħajja mill-ġdid lil din iż-żona turistika. Kull ċenteżmu ta’ investiment huwa proprju kruċjali mhux biss għat-turisti imma anke għan-nies li jgħixu hawn.”
Huwa semma li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena żaruna 270,000 turist. Iżjed minn kemm kellna fis-Sajf tal-2012. Jannar waħdu kien aħjar minn Awwissu tal-2012. “Jeħtieġ li nkomplu ninvestu,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Dr Borg żied jgħid li għaxart ijiem oħra se jkollna l-ewwel titjiriet minn Malta għal New York u minn New York għal Malta. Tenna li “meta qed nitkellmu dwar il-prodott turistiku, mhux biss l-akkomidazzjoni, u l-infrastruttura publika imma fuq kollox il-konnettività.”
Min-naħa tiegħu il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett f’diskors li għamel waqt il-ftuħ mill-ġdid tal-Pjazza qal li dan hu pass ieħor importanti fir-Riġenerazzjoni ta’ Buġibba.
Il-Ministru rrefera għas-servizz ġdid li ġie mniedi ftit tal-jiem ilu dak tal-Fast Ferry fejn issa minn Buġibba wieħed jista’ jmur Għawdex u anke Tas-Sliema permezz tal-baħar.
“Mil-lum min jasal f’Buġibba se jsib pjazza ġdida. Din hija riġenerazzjoni li se tkompli hekk kif fiż-żmien li ġej hemm aktar proġetti li se jitkomplew u oħrajn ġodda li huma ppjanati,” tenna l-Ministru Bonett.
Qal li biex sar dan il-proġett it-triq ma kinitx waħda faċli. “Stajna għażilna t-triq il-ħafifa, iżda aħna b’rispett lejn ir-residenti u anke n-negozji għażilna t-triq it-tqila biex b’hekk iż-żona tiġi riġenerata kif suppost. Ħloqna u qegħdin noħolqu Buġibba aktar moderna, aktar sostenibbli u aktar ippreparata għal futur,” stqarr il-Ministru Chris Bonett.
Waqt id-diskors tiegħu l-Ministru rreferal għax-xogħol li sar u sostna li “llum niġi hawn b’wiċċi minn quddiem għax qgeħdin nagħtu pjazza lura moderna lir-residenti tal-inħawi u anke lin-negozji,” filwaqt li tenna li din il-pjazza issa tista’ titgawda mill-poplu kollu Malti u Għawdxi.
F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, il-koordinatur tal-proġett Jason Micallef qal li: “Wara ammont ta’ xogħol f’din l-akbar riġenerazzjoni tal-pjazza ta’ Buġibba, il-promenade, il-belveder u t-toroq ewlenin, 14-il xahar ta’ xogħol qawwi kbir, investiment multi miljunarju infrastrutturali f’Buġibba, illum qed inroddu lura din il-pjazza meraviljuża biex titgawda minn kulħadd fl-istaġun tas-sajf”.

