Il-poplu Malti, tul is-snin, dejjem kien imnebbaħ minn ħolma. Il-ħolma li ma jibqax maħkum mill-barrani, il-ħolma li jsir nazzjon indipendenti, ħieles u rajh f’idejh, il-ħolma li jsir repubblika. Il-poplu Malti bid-direzzjoni tal-mexxejja tiegħu ħolom li jkollu pajjiż li joħloq ix-xogħol, li jkun għajn ta’ ġid biex pajjiżna jkun il-post fejn il-Maltin jirnexxu u jimirħu.
Pajjiżna u l-poplu Malti kellu ħolma li jara lil-uliedna li jkollhom l-aqwa livell ta’ tagħlim, li nattiraw lejn pajjiżna l-investiment, li f’pajjiżna jseħħ l-iżvillupp. Dan il-ħolm ta’ missierijietna, bl-għażliet li saru tul is-snin, saru l-inizjattivi, il-proġetti u s-suċċessi li bnejna flimkien.
Tul is-snin, kellna mumenti fejn il-poplu kellu dibattiti kbar dwar liema triq irid jagħżel biex jasal għad-destinazzjoni li bħala poplu ħolom tul is-snin. L-Istorja nafuha lkoll. Il-kisbiet li qed jagħmel pajjiżna narawhom u mmissuhom ta’ kuljum.
Is-suċċess tal-bieraħ, il-bidu ta’ ġejjieni isbaħ
Fl-aħħar snin, pajjiżna irnexxielu jagħmel qabżiet kbar fis-suċċessi tiegħu. Fl-aħħar tlettax-il sena, ekonomija li kienet waħda kajmana u li togħtor taħt il-piż tal-isfidi internazzjonali, illum saret ekonomijia mill-aktar reżiljenti. Ekonomija li kontra kull sfida, baqgħet tikber baqgħet toħloq il-ġid u x-xogħol. Kibret b’rata li qatt ma ra pajjiżna u saret tliet darbiet akbar minn dak li kienet fl-2013.
Dawk huma l-kisbiet li għamilna iżda l-kampanja elettorali mhijiex dwar rakkont dwar dak li seħħ iżda dwar it-triq ‘l quddiem. Ir-rakkont tal-bieraħ juri l-kredenzjali ta’ min qed jiġi quddiem il-poplu u jitlob il-fiduċja. Il-kisbiet tal-bieraħ juru min qed imur quddiem il-poplu xi jsarraf, x’kapaċi joffri u liema ħolma tal-poplu jista’ jagħmilħa il-proġett tiegħu.
Ir-rakkont tal-kisbiet tal-aħħar snin juru il-punt tat-tluq għal dak li nistgħu niksbu flimkien fil-ġejjieni. Pajjiżna għandu pedament sod fuqiex jitħejja għal aktar suċċessi. Mhux qed jitfassal pjan fuq ix-xejn iżda hemm il-qafas li jista’ jikkonferma dak li inkiseb u fl-istess ħin il-poplu jikseb aktar.
Malta għandha għażla quddiemha
L-aħħar snin urew biċ-ċar li l-formola tat-tkabbir ekonomiku tati riżultati ferm aqwa mill-awsterità. L-andament ekonomiku tal-aħħar snin jimla’ lill-poplu b’fiduċja ta’ aktar suċċessi ekonomiċi fil-ġejjieni. Il-poplu għandu quddiemu formula tried and tested li wieħed jaf x’tista’ ssarraf u fuq naħa oħra sensiela ta’ wegħdi li meta mgħarrbla iħallu mistoqsijiet aktar milli jagħtu tweġibiet.
Din hija l-għażla li trid issir nħar is-Sibt 30 ta’ Mejju. Għażla bejn min għandu pjan ċar għal pajjiżna u min qed jipprova jwiegħed kollox lil kullħadd. Għażla bejn min jaf eżattament x’ se tiswa kull proposta li qed tiġi ppreżentata u min m’għandux idea ta’ kemm se jiswew il-proposti li qed isiru. Għażla bejn min fil-qasam tal-enerġija impona surcharge u min kien fuq in-naħa tal-familji u ssussidja l-prezz tal-enerġija.
Dawn huma uħud mill-għażliet li qed jiġu ppreżentati lill-poplu f’din l-elezzjoni ġenerali. Elezzjoni li se tiddetermina kif se nfasslu l-futur ta’ pajjiżna u f’liema direzzjoni se nieħdu lil pajjiżna fiż-żmien li ġej.
Kull vot jgħodd
Nhar is-sibt li ġej kull vot jgħodd. Biex jitwettqu il-proposti li qed jipproponi l-Partit Laburista jeħtieġ li mill-ġdid jingħata l-appoġġ tal-poplu. M’għandu jittieħed xejn for granted. Dak li nkiseb fl-aħħar snin huwa riżultat tal-proposti li ressaq il-Partit Laburista u l-appoġġ li ngħata l-Partit Laburista fl-aħħar elezzjonijiet. Dak li nkiseb nistgħu inkomplu nibnu fuqu bl-appoġġ tal-poplu. Nhar is-Sibt se niddetermaw it-triq li se jimxi pajjiżna. Se nagħżlu kif infasslu il-futur. Il-vot tiegħek jista’ jwassal biex il-ħolma tiegħek issir il-proġett ta’ Gvern Laburista ġdid.

