Wednesday, April 24, 2024

“Ibqa’ pprattika u qatt tgħid li taf biżżejjed”

DJ Mykill

Aqra wkoll

Id-DJ rinomat Malti Mykill Cini għadu kemm ġej minn esperjenza fil-Karibew eżattament f’Saint Martin Island. Hu ilu jwettaq dan ix-xogħol għal 25 sena sħaħ fejn daqq mhux biss f’diversi avvenimenti lokali iżda wkoll f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja fosthom fl-Ewropa, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Karibew. 

Hu beda l-karriera tiegħu lura għas-sena 1999 meta dak iż-żmien kien idoqq f’xi diskoteki li llum il-ġurnata m’għadhomx jeżistu fosthom Axis, Tattingers u Shadows. Naturalment ma jonqosx ukoll li jdoq f’Cafe del Mar u anke Gianpula li fis-sajf ikunu miżgħuda b’diversi żgħażagħ lesti biex jiddevertu. 

Dan is-sit iltaqa’ ma’ DJ Mykill, kif inhu magħruf man-nies, sabiex itina aktar dettall dwar l-aħħar mawriet tiegħu iżda b’mod partikolari dwar mumenti mill-karriera ta’ suċċess li għandu. 
 
Kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn id-Djing?  

“Sa minn meta kont żgħir kont niffantasizza ħafna li nsir xi tip ta’ performer fejn jien stajt niddeverti lin-nies. Niftakar li sa minn meta kont żgħir, kont nibni l-blocks u kont taparsi nfassal żona tal-kunċerti biex in-nies ikollhom post fejn jiżfnu u jieħdu pjaċir.” 

Minn hemm Mykill qatt ma ħares lura u baqa’ għaddej. Beda jdoqq ma’ bands u gruppi mużikali l-aktar punk fejn dak iż-żmien beda jaħdem ukoll fi stabbiliment f’Paceville msejjaħ Al Cafe li llum il-ġurnata m’għadux jeżisti. Dak iż-żmien kienu popolari ħafna t-turn tables u hu kien juża’ wieħed minnhom.  

Staqsejna lil Mykill Cini dwar ix-xena tad-DJing f’pajjiżna. Kemm hi popolari? 

“Bla dubju li f’Malta m’hemmx ħafna riżorsi anke minħabba l-limitazzjoni tal-pajjiżi. Minkejja kollox, hawn ħafna avvenimenti li qed  jiżdiedu partikolarment fis-sajf meta l-attivita’ tkun għaddejja fl-aqwa tagħha.” 

“Jekk insemmi dwar il-kwalita’ tad-DJs nista’ ngħid li hawn erbgħa minnhom li huma dedikati għalkemm jeżistu oħrajn li mhux lesti jinvestu ħinhom sabiex jitgħallmu dejjem aktar. Mhux bilfors għax titla’ hemm fuq u tgħid erba’ kelmiet u ddoqq xi diski, tfisser li int DJ tajjeb.” 

DJ Mykill 2

Mykill jitkellem dwar l-effetti li ħalliet il-pandemija tal-COVID-19 f’dan is-settur tad-divertiment. Hu jsejjaħ dan iż-żmien bħala wieħed diżastruż fejn avvenimenti ma sarux kważi għal sentejn sħaħ apparti li ma kienx hawn fejn tmur.  

Hu li jaħdem dan ix-xogħol fuq bażi full-time ħassha ħafna għalkemm kien hemm ukoll xi avvenimenti li bdew jinqalgħu fosthom Mużika Mużika u Malta’s Got Talent għalkemm dawn kienu ftit wisq. 

Madankollu Mykill investa dan il-ħin tiegħu sabiex ipproduċa xi mixes u gigs ġodda li issa qed isibhom sew kulfejn imur jagħmel il-wirja tiegħu.  

Iżda kif wasal saħansitra biex idoqq fil-Karibew? 

“Kien hemm xi organizzaturi Olandiżi li għandhom parti minn din il-gżira li semgħu xi biċċiet mill-mixes tiegħi li għandi fil-kont ta’ Sound Cloud personali tiegħi. Kienu huma li kkuntattjawni u riduni niġi ndoqq hemmhekk. Kien hemm ħafna oħrajn li semgħu din l-għażla mużikali li għandi f’dan il-kont fosthom mir-Russja u l-Istati Uniti. Kont għalhekk ixxurtjat li ġejt magħżul sabiex indoqq f’din il-gżira ta’ Saint Martin, li hi ferm pittoreska u ferm ideali sabiex wieħed jorganizza avveniment.

Jien kont se nkun wieħed mid-DJs uffiċjali ta’ dan l-avveniment filwaqt li ftit tal-ġranet wara kellu jdoqq anke DJ ieħor ferm famuż bl-isem ta’ Sebastian Leger.” 

Hu jgħidilna li l-organizzaturi damu madwar ġimgħa jarmaw il-post sabiex isir dan l-avveniment li kulma jieħu hu sitt sigħat biss. Madankollu l-ispettaklu hu kbir speċjalment meta tinżel ix-xemx u tara d-dawl tal-qamar. Hu qal li l-organizzaturi baqgħu impressjonati bil-wirja tiegħu tant li regġħu bbukkjawh għas-sena d-dieħla. 

DJ Mykill qalilna li hu daqq ukoll f’diversi postijiet oħra barra minn xtutna fosthom f’Mykonos Beach Club, Ibiza u diversi boat parties fis-sajf. 

Saqsejnih dwar id-differenza li jsib bejn li ddoqq fl-Ewropa għal meta ddoqq barra minn dan il-kontinent. 

“Hemm ċerti differenzi speċjalment fil-kultura ta’ kull pajjiż. Hu veru iżda li l-ingredjent ewlieni tibqa’ l-mużika li tant ifittxuha diversi nies. Tant hu hekk li diversi parties li jien immur indoqq fihom kollha jkunu bil-biljetti mibjugħin u għalhekk wieħed irid iħaffef biex jakkwista d-dħul tiegħu. Din timlini b’sodisfazzjon kbir anke għax matul is-snin sirt naf diversi DJs oħra li llum il-ġurnata saru ħbieb tiegħi.” 

Riċentement Mykill Cini poġġa video fuq Facebook fejn hu spiċċa ġol-ajruport fit-Turkija għal madwar tlett ijiem u ma setax jiġi lura Malta mal-ewwel. Jidher li kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-linja tal-ajru li rikeb fiha u wara vjaġġ twil minn St Martin għal Pariġi u eventwalment it-Turkija, l-inqas ħaġa li xtaq dan id-DJ hu proprju li ma jasalx f’art twelidu. 

“Ħassejtni għajjien ħafna mentalment u fiżikament. Ridt nasal lura Malta kemm jista’ jkun malajr għalkemm kelli nistenna tlett ijiem sabiex għamilt dan.” 

Cini qalilna li xejn ma ħadha tajjeb meta xi nies li kienu online bdew jgħidulu li xi affarijiet xejn dekorużi dwar dan il-video. Hu qal li hawn nies li veru ma jkollhomx x’jagħmlu u fejn minn wara l-keyboard tal-kompjuter jew mobile kulħadd jista’ jgħid li jrid iżda mingħajr ma jqis kliemu sew.  

Finalment kif qed jarah il-futur tiegħu Mykill Cini? 

“Jien qed nara futur sabiħ b’din is-sena li diġa’ tidher li se tkun waħda ferm produttiva hekk kif se nkun qed nieħu sehem f’diversi festivals, avvenimenti ta’ divertiment u anke wirjiet barra minn Malta.”Finalment f’messaġġ li xtaq jagħti lil dawk li jixtiequ jsiru DJs, il-parir hu wieħed. Dejjem ipprattika u qatt tgħid li taf biżżejjed. Dejjem hemm fejn titgħallem iżjed u s-sodisfazzjon tieħdu permezz tan-nies li jiżfnu għall-mużika tiegħu. 

Sport