Il-Premju Emanuele Luigi Galizia 2026 iċċelebra l-eċċellenza fl-arkitettura, fl-ippjanar u fl-ambjent mibni waqt ċerimonja ta’ premjazzjoni li saret fil-Palazz tal-Granmastru, fil-Belt Valletta. Din l-edizzjoni mmarkat pass importanti għas-settur, hekk kif għall-ewwel darba l-Kamra tal-Periti (KTP) u l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) ħadmu flimkien biex jirrikonoxxu u jippremjaw it-talent, l-innovazzjoni u l-kwalità professjonali.
Fil-ftuħ taċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol, Jonathan Attard, saħaq li l-kwalità fl-ambjent mibni mhijiex xi ħaġa fakultattiva, iżda responsabbiltà nazzjonali.
“Id-deċiżjonijiet li nieħdu llum u l-postijiet li noħolqu se jinfluwenzaw il-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri. Għalhekk, irridu nkomplu naħdmu flimkien biex ngħollu l-istandards, nippromwovu l-eċċellenza u niżguraw li nħallu warajna Malta li l-ġenerazzjonijiet li ġejjin ikunu kburin biha,” qal il-Ministru Attard.
Biex tissaħħaħ din il-kollaborazzjoni, twaqqaf kumitat konġunt bejn il-Kamra tal-Periti u l-Awtorità tal-Ippjanar, li ħadem fuq din l-edizzjoni bil-għan li jkompli jgħolli l-livell tal-premju, iwessa’ l-firxa tiegħu u jsaħħaħ ir-rikonoxximent tal-eċċellenza professjonali.
Il-Ministru Attard enfasizza l-kollaborazzjoni kontinwa bejn il-Gvern u l-Kamra tal-Periti dwar ir-riformi regolatorji, inkluż it-tfassil tal-Kodiċi tal-Bini u l-Politika Nazzjonali tal-Arkitettura.
Huwa spjega li l-ewwel Kodiċi tal-Bini ġew ippreżentati lill-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni għal reviżjoni interna, qabel konsultazzjoni pubblika nazzjonali, u ħeġġeġ lill-professjonisti jipparteċipaw attivament biex jissaħħu l-istandards u l-qafas regolatorju tas-settur.
Il-Ministru Attard tkellem ukoll dwar ir-riforma fis-settur tal-ippjanar li proprju għada se tkun qiegħda tibda tiġi diskussa fil-Parlament. Huwa spjega li l-għan huwa li l-appell ikun rimedju effettiv fil-prattika, filwaqt li l-proċess jibqa’ effiċjenti, prevedibbli u ħieles minn dewmien bla bżonn.
“Irridu niżguraw li l-appell ikun rimedju effettiv fil-prattika, filwaqt li l-proċess jibqa’ effiċjenti, prevedibbli u ħieles minn dewmien bla bżonn. Il-fiduċja tal-pubbliku tiddependi mhux biss mid-deċiżjonijiet li jittieħdu, iżda wkoll mill-ġustizzja u l-effettività tal-proċessi li jwasslu għalihom,” sostna l-Ministru Attard.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Johann Buttigieg, qal li s-serata ma ċċelebratx biss il-Premju Emanuele Luigi Galizia, iżda wkoll il-kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Kamra tal-Periti. Huwa spjega li din il-ħidma konġunta mhux biss tagħti rikonoxximent lill-aqwa proġetti ta’ dawn l-aħħar snin, iżda tgħin ukoll biex jiġu identifikati u promossi l-aħjar prattiki li jistgħu jkomplu jmexxu ’l quddiem l-arkitettura u l-ippjanar f’pajjiżna.
Il-President tal-Kamra tal-Periti, il-Perit André Pizzuto, min-naħa tiegħu, qal li din l-okkażjoni tat opportunità biex jiġu ċċelebrati l-kisbiet tal-professjoni u jingħata rikonoxximent lill-periti u lill-proġetti li għamlu differenza fil-ħajja tan-nies.
Huwa żied li din kienet l-ewwel edizzjoni tal-Premju Emanuele Luigi Galizia organizzata b’mod konġunt bejn iż-żewġ entitajiet, u esprima l-aspettattiva li din tkun il-bidu ta’ kollaborazzjoni aktar wiesgħa fix-xhur li ġejjin.
Bħala parti mill-impenn lejn proċess ta’ evalwazzjoni trasparenti u rikonoxximent tal-eċċellenza, il-ġurija kienet tikkonsisti minn ħames membri mill-komunità internazzjonali tad-disinn, b’esperjenza f’oqsma differenti tal-arkitettura, il-konservazzjoni, id-disinn u r-riċerka.
Il-kategoriji u r-rebbieħa kienu jinkludu:
- Adaptive Reuse Award – MICAS
- Built Heritage Conservation Award – Il-Knisja tal-Ġiżwiti Valletta
- Public Projects Award – Skola Primarja Rabat Għawdex
- Multi-Unit Residential Design Commendation – Salvina Mellieħa
- Single Dwelling Design Award – Dar Sikada Għargħur
- Workplace Design Award – SAMA Ħamrun
- Hospitality Design Award – Stilla San Mikiel Guesthouse Bormla
- Unbuilt Projects Award – URNA
- Architectural Design Student Medal – BastuBaħar (Matthias Galea Souchet)
- Galizia Leadership Award – Steve Zammit Lupi
- Lifetime Achievement Award – Perit Joseph Bugeja
- The Overall Award – MICAS
L-ogħla unur tas-serata, l-Overall Award, ingħata lill-MICAS, bħala rikonoxximent tal-eċċellenza fil-qasam tal-arkitettura u tal-ambjent mibni. Permezz ta’ din il-kisba huma se jkunu jistgħu jipparteċipaw fi premju fuq livell Ewropew tal-arkitettura.
Fost dawk preżenti għal din is-serata kien hemm il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar l-Onorevoli Rebekah Borg.
