Tuesday, May 6, 2025

“Id-deċiżjoni tal-ECJ jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq is-settur tal-kultura bandistika”

- Dr Noel Camilleri, President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġstizzja (ECJ) jista’ jkollha riperkussjonijiet anke fuq is-settur tal-kultura bandistika. Biżżejjed wieħed jiftakar li l-Gvern fuq talba tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, daħal biex jixtri dawk il-każini li kienu qed jiffaċċjaw sitwazzjoni li jiġu żgumbrati, u dan seta’ jagħmlu bil-fondi mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp u Soċjali (NDSF).”

Dan stqarru l-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, Dr Noel Camilleri, f’kummenti li ta lil dan is-sit wara d-deċiżjoni li ngħatat mill-ECJ fil-kawża li l-Kummissjoni Ewropea fetħet kontra Malta b’rabta mal-qafas leġiżlattiv ta’ ċittadinanza b’investiment. 

Dr Noel Camilleri saħaq li filwaqt li d-deċiżjoni tal-ECJ għandha dejjem tiġi rispettata, l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda tesprimi l-fiduċja li l-Gvern, kif iddikjara, se jkun qiegħed jeżamina bir-reqqa din id-deċiżjoni u jagħmel it-tibdil meħtieġ fil-liġi sabiex tkun konformi mal-prinċipji msemmija fis-sentenza tal-ECJ u l-fondi tal-NDSF jibqgħu jiġu wżati fl-interess tal-poplu.

Wieħed irid ifakkar li kemm ilu fis-seħħ dan il-qafas leġiżlattiv, mill-2015 ġew iġġenerati b’mod dirett akar minn €1.4 biljun fi dħul għall-pajjiż. Dawn il-fondi dejjem inqasmu bejn l-NDSF li permezz tiegħu saru u qed isiru diversi proġetti ta’ fejda u investimenti kif ukoll fil-Fond Konsolidat. 

Permezz tal-NDSF saru wkoll għadd kbir ta’ investimenti f’oqsma kruċjali għall-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Mill-ġid li kien iġġenerat minn dan il-programm gawdew minnu diversi soċjetajiet fosthom dawk mużikali u b’dan il-mod inżammu ħajjin il-festi u l-kultura Maltija. 

Fil-frattemp, dawn il-fondi kienu kruċjali biex ġew salvati l-impjiegi u n-negozji żgħar u medji waqt il-pandemija u l-Gvern seta’ jibqa’ jkun ta’ spalla ma’ min hu marid u l-aktar vulnerabbli u anke m’għaqdiet volontarju li jwettqu tant ġid fis-soċjetà tagħna. 

Il-Prim Ministru Robert Abela, wara d-deċiżjoni tal-ECJ, iddikjara li l-Gvern se jibqa’ jaħdem favur l-interess tal-Għawdxin u l-Maltin billi filwaqt li jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea, fl-istess waqt u b’mod immedjat se jara li jkollna qafas li jkun konformi mas-sentenza biex b’hekk il-poplu jibqa’ jgawdi mill-ġid kbir iġġenerat. 

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport